Il-grupp DB fi stqarrija giddeb id-dikjarazzjoni tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li l-proġett tas-City Centre li qed jipproponi l-grupp se jinkludi skavar biex issir riklamazzjoni tal-art fil-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.
Id-DB caħdu b’mod kategoriku li l-proġett tagħhom se jinkludi xi tip ta’ riklamazzjoni tal-art.
Il-grupp qal li minkejja li s-sovritendenza tal-partrimonju kulturali ma’ wriet l-ebda oġġezzjoni għall-iżvilupp tal-bini li kien jilqa’ l-Istitut għall-Istudji Turistiċi flimkien ma’ substation ta’ żmien il-gwerra l-bierda, dawn se jibqgħu kif inhuma, anzi se jiġu protetti.
Dawn il-fatti jgiddbu lil Azzopardi meta qal li l-grupp se jkun qed iwettaq skavar u riklamazzjoni tal-art, sostna l-grupp DB. Għal kuntrarju ta’ dak li qal id-deputat Nazzjonalista, il-wirt kulturali u storiku se jkun ippreservat u mhux imnaqqar, fissret l-istqarrija.
Il-grupp tenna li dawn il-qlajjiet huma ta’ ħsara fid-dibattitu dwar proġett ta’ €300 miljun, li huwa l-ikbar investiment lokali fl-istorja ta’ pajjiżna. Meta gideb bħal dan isir minn membru tal-parlament, in-natura insidjuża, perikoluża u anti-demokratika tagħhom tiżdied, temmet tgħid l-istqarrija.