F’Lulju: il-persuni fuq il-kotba tal-qgħad jonqsu b’9.5%
Ikomplu l-istatistiċi pożittivi dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna b’ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru li sal-aħħar ta’ Lulju li għadda, il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’disgħa punt ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Dan biex sal-aħħar tal-Lulju li għadda, il-persuni fuq il-kotba tal-qgħad naqsu għal elf, sitt mija u erbgħa u ħamsin ruħ.
Miċ-ċifri tal-NSO li huma pprovduti mill-aġenzija tax-xogħol JobsPlus joħroġ li n-nies fuq l-ewwel parti tar-reġistru naqsu b’mija sitta u sebgħin waqt li l-persuni jirreġistraw fuq it-tieni parti tar-reġistru żdiedu bi tnejn meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra.
Il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu f’kull kategorija bl-akbar tnaqqis jiġi rreġistraw fost dawk li kienu ilhom aktar minn sena jfittxu impjieg.
F’Lulju li għadda kompliet ix-xejra ’l isfel ukoll ta’ persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol. Fil-fatt miċ-ċifri joħroġ ukoll li dawn naqsu bi tlieta u ħamsin meta mqabbel mal-Lulju tal-2018 biex issa hemm mitejn u tmintax-il persuna b’diżabilità jfittxu impjieg.