X’għandhom jagħmlu l-Maltin fl-Ingilterra dwar Brexit? – One News

Notifiki

X’għandhom jagħmlu l-Maltin fl-Ingilterra dwar Brexit?

Hekk kif fadal biss sittin jum sabiex r-Renju Unit itemm relazzjoni ta’ 46 sena mal-Unjoni Ewropea, ħafna ċittadini Maltin jinsabu inċerti dwar is-sitwazzjoni ta’ Brexit

Sitwazzjoni li minnha nnfisha hija waħda ta’ inċertezza hekk kif għad m’hemmx indikazzjoni jekk r-Renju Unit huwiex ser isib ftehim qabel jqatta’ l-karti minn mal-Unjoni Ewropea.

Konxju ta’ dan, il-Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit Joe Cole, tkellem dwar il-possibiltajiet li għandhom il-Maltin li huma residenti fir-Renju Unit. Saħaq li l-Ambaxxata ma qed tipprevedi l-ebda problema.

Huwa stqarr li “Mill-indikazzjonijiet li għandna m’għandux ikun hemm problemi partikolari”.

Dwar ċittadini Maltin li ilhom jgħixu fir-Renju Unit għal iktar minn ħames snin, Cole saħaq li dawn għandhom japplikaw għall-proċess ta’ ‘Settlement Status.’

Cole tenna li “s-sistema li qed jagħmlu l-Ingliżi imsejħa ‘Settlement Status’ hija bażikament maqsuma fi tnejn għal dawk ir-residenti Maltin jew inkella ċittadini oħra tal-EU li ilhom iktar minn 5 snin. Dawn bażikament jekk ma jkunu għamlu xi att kriminali kbir, għandhom hemm proċess li jridu japplikaw għalih u jagħmluh u m’għandhomx ikollhom problemi kbar u lanqas it-tfal tagħhom”.

Dawk li ma ilhomx iktar minn ħames snin jistgħu japplikaw għal proċess simili, iżda wliedhom iridu japplikaw għaċ-ċittadinanza Ingliża.

“Hemm il-branka l-oħra li hija għal dawk ir-residenti li ilhom inqas minn 5 snin. Bażikament huwa l-istess proċess tal-oħrajn bid-differenza li t-tfal ta’ dawk ir-residenti li ilhom inqas minn 5 snin iridu jkunu japplikaw għaċ-ċittadinanza Ingliża. Ma tingħatalhomx awtomatikament jekk il-ġenituri tagħhom jiġu aċċettati bħala residenti tal-Ingilterra”.

Quddiem dan il-perjodu ta’ inċertezza, il-Kummissarju Għoli appella biex dawk kollha li għandhom xi mistoqsijiet dwar il-futur tagħhom fir-Renju Unit jikkonsultaw mal-ambaxxata u jkunu evitati kwalunkwe problemi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend