Franċiż ta’ 32 sena mill-Imsida jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident bil-mutur fil-Qawra.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-01:15 ta’ filgħodu fi Triq il-Qawra, Qawra.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li kien għadu kemm seħħ impatt bejn mutur tat -tip Benelli Tornado misjuq minn raġel Franċiż, residenti l-Imsida ta’ 32 sena u vettura tat-tip VW Polo misjuqa minn raġel ta’ 54 sena, residenti r-Rabat.
Is-sewwieq tal-mutur kien assistit fuq il-post minn tim mediku sabiex jingħata l-kura meħtieġa u permezz t’ambulanza ittieħed l-isptar Mater Dei. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Dr Charmaine Galea, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.