Salvini jikxef il-ġlieda fid-distrett ta’ Birkirkara – One News

Notifiki

Salvini jikxef il-ġlieda fid-distrett ta’ Birkirkara

Kummenti tal-Kunsillier Justin Schembri dwar l-Eks Ministru Taljan, Matteo Salvini, kixfu l-ġlieda li hemm fil-Partit Nazzjonalista fid-distrett ta’ Birkirkara. 

Imkejjen tal-gazzetta Kullħadd fil-Partit Nazzjonalista qalu li  l-kunflitt li nqala’ huwa xhieda ta’ ġlied enormi li għaddej bħalissa fit-tmien distrett fejn il-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia, li  diġà qed taħdem  biex tħalli l-art lil Beppe Fenech Adami fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Anke jekk l-elezzjoni ġenerali baqgħalha s-snin il-kunflitt fid-distrett hu wieħed b’saħħtu u saħansitra beda qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li għadda.

Adrian Delia kien diġà ddikjara pubblikament li ried jirbaħ lura Birkirkara.

B’dan f’moħħhom l-istrateġisti f’Tal-Pietà ħadmu kemm felħu biex jekk ikun hemm Sindku Nazzjonalist dan ma jerġax ikun Michael Fenech Adami, illum impjegat ta’ David Casa, li xejn ma jinġieb ma’ Delia.

Il-Partit Nazzjonalista ma rebaħx il-maġġoranza f’Birkirkara, iżda l-għan li Schembri jgħaddi lil ta’ Fenech Adami ntlaħaq. Fil-fatt, Justin Schembri ġab 1,000 vot iktar minn Michael Fenech Adami, iben eks Kap tal-Nazzjonalista Eddie Fenech Adami.

Issa Michael Fenech Adami kien fost tal-ewwel li kiteb not in may name meta Justin Schembri kiteb fuq Facebook b’simpatija ma’ pożizzjonijiet li ħa dak li kien il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini.

Sorsi mill-istamperija qalu li Michael Fenech Adami qatt ma kien xi wieħed li jitkellem sikwit dwar l-immigrazzjoni u m’hemmx dubju li ra din bħala okkażjoni biex jattakka lil Schembri.

Iżda, ħu Michael Fenech Adami, Beppe Fenech Adami jaf li  Adrian Delia x’aktarx joħroġlu fuq id-distrett minħabba r-rabta li għandu ma’ Birkirkara.

U bi Schembri jingħata s-saħħa u l-appoġġ, il-post ta’ Fenech Adami bħala deputat jista’ ma jkunx ċert daqskemm kien fi drabi oħra.

Justin Schembri kien il-bniedem li fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tkellem favur Delia qabel ittieħed il-vot ta’ fiduċja. Biex m’hemmx messaġġ iktar b’saħħtu minn hekk li jekk trid lil min ma jfixkilx il-Kap trid tivvota lil Schembri.

L-imkejjen tagħna sostnew li Fenech Adami mhux biss ma jridx jitlef postu kif ġralu ħuh, iżda jrid iżomm l-istess appoġġ li kellu meta kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan anke għax l-aspirazzjonijiet politiċi ta’ Fenech Adami għadhom hemm u jmorru lil hinn milli sempliċi jkun deputat.

Izda ta’ Delia huma determinati li mhumiex se jħalluh jagħmilha għax Fenech Adami huwa wieħed minn klikka ta’ nies meqjusa bħala li ħadmu kontra l-Kap,  fosthom nies bħal Jason Azzopardi u Simon Busuttil.

Filwaqt li nies bħal Therese Comodini Cachia jikkunsidraw li jirtiraw minn kollox jekk kemm-il darba jibqa’ jmexxi Delia.

 

Ta’ QabelLi Jmiss