Joe Cassar jimbotta kontra l-proġett tas-‘Central Link’ – One News

Notifiki

Joe Cassar jimbotta kontra l-proġett tas-‘Central Link’

Wieħed mill-uniċi seba’ residenti ta’ Ħ’Attard li qed jitolbu l-Qorti twaqqaf il-proġett tas-Central Link huwa ħaten l-Eks Ministru u Eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Joe Cassar, li rriżenja fl-2015 wara li kienu żvelati pjaċiri u għotjiet mingħand kuntratturi. 

Il-gazzetta Kullħadd irrapurtat li Malcolm Vella Haber hu wieħed fil-lista ta’ seba’ “residenti”, minn fost eluf li jgħixu Ħ’Attard, li ngħaqdu fit-talba biex jitolbu lill-Awtorità tal-Ippjanar twaqqaf il-proġett ta’ titjib fit-toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali.

Vella Haber, ħaten Joe Cassar, huwa magħruf sew li huwa ħaġa waħda miegħu, tant li anke kien is-segretarju privat tiegħu meta Cassar kien Ministru tas-Saħħa taħt amministrazzjoni preċedenti.

Minkejja li Vella Haber qatt ma ssemma fil-każ, hu kien jokkupa din il-kariga anke fiż-żmien li fih allegatament seħħew it-tranżizzjonijiet li ftit snin wara wasslu għar-riżenja tal-istess Cassar.

Cassar u Vella Haber għandhom proprjetajiet maġenb xulxin fl-inħawi fejn se ssir waħda mit-toroq il-ġodda tal-proġett. Din it-triq il-ġdida ilha mmarkata fil-pjanti tal-iżvilupp ta’ Ħ’Attard għexieren ta’ snin, minn qabel inbnew l-istess djar. Madankollu, il-Gvern immexxi mill-Kabinett li kien jifforma parti minnu Cassar sal-2013 għal xi raġuni jew oħra ħalla l-proġett fuq l-ixkaffa.

Minn meta Infrastruttura Malta ħabbret il-proġett tas-Central Link, l-investiment li se jwettaq dawn il-pjanijiet li ilhom snin biex isiru, fuq il-mezzi tal-midja soċjali Cassar spiss ikkritika dan il-proġett. Madankollu, minħabba d-dell tal-allegazzjonijiet li wasslu għar-riżenja tiegħu ftit snin ilu, ma tantx jista’ joħroġ għonqu kontrih.

Kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li jkun Vella Haber li jidher hu spalla ma’ spalla mal-għaqdiet kontra l-proġett, biex ikompli jimbotta ħalli l-proġett ma jsirx.

F’Lulju li għadda, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-pjanti tal-proġett biex dan ikun jista’ jitwettaq. L-istudji tekniċi u xjentifiċi dwar dan il-proġett juru li l-proġett se jwassal biex il-ħin tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi jonqos bin-nofs, waqt li jonqos ukoll ħafna tniġġis fl-arja mill-karozzi li bħalissa jagħmlu ħafna ħin staġnati fit-traffiku f’Birkirkara, f’Ħ’Attard u f’Ħal Balzan. Il-proġett se jżid ukoll kilometri sħaħ ta’ korsiji għar-roti, ħafna bankini ġodda, faċilitajiet aħjar għall-passiġġieri tal-karozzi tal-linja u żoni sħaħ msebbħa bis-siġar u bil-pjanti, 212% iżjed milli hemm illum.

Ir-rapporti jikkonkludu wkoll li  meta jitlesta l-proġett, il-komunitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara mhux biss se jkollhom arja aktar nadifa, iżda se jkollhom ukoll ħafna aktar siġar milli hemm illum.

Iżda din il-ġimgħa, numru t’għaqdiet ambjentali u seba’ residenti, fosthom Vella Haber, talbu lill-Awtorità tal-Ippjanar twaqqaf il-permess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend