F’sena attirajna aktar minn €170 miljun f’investiment – One News

Notifiki

F’sena attirajna aktar minn €170 miljun f’investiment

Matul is-sena li għaddiet Malta attirat iktar minn 170 miljun ewro f’investiment. Dan ikkonfermawh figuri għas-sena 2018 hekk kif il-Malta Enterprise approvat 150 proġett li fi tliet snin mistennija joħolqu 1,700 impjieg ġdid. Dan qed isir b’investiment kemm barrani u anke minn negozji lokali, li lkoll qed iħossu s-saħħa fl-ekonomija u qed jinvestu flushom f’Malta stess. 

Minn fost il-170 miljun ewro investiment, 66 miljun minnhom iddaħħlu minn investiment barrani u lokali ġdid, ilkoll proġetti li ser ikunu responsabbli għall-ħolqien ta’ kważi elf impjieg ġdid.

Fl-istess sena, madwar 115-il kumpanija f’Malta ddeċidiet li tkabbar l-operat tagħha u b’hekk inħolqu mas-seba’ mitt impjieg ġdid. Tkabbir li huwa ekwivalenti għal 106 miljun ewro f’investiment.

Dwar dan ONE News tkellem mal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li spjega li l-Gvern se jibqa’ jaħdem biex dan l-andament ekonomiku pożittiv jibqa’ għaddej.

Il-Ministru Cardona sostna li “Ma hijiex xi ħaġa li qegħdin naraw li ser tieqaf dis-snin li ġejjin. Ħa nibqgħu naħdmu biex inkomplu nattiraw iktar investiment u niddiversifikaw l-ekonomija tagħna kemm jista’ jkun possibbli jiġifieri b’mod sostenibbli fit-tul u jkollna l-iktar ammont ta’ setturi possibli li qegħdin joperaw fil-pajjiż li jagħtu valur miżjud lill-ekonomija tagħna u iżjed impjiegi ta’ kwalità.

Dwar dan ikkummenta mal-gazzetta Kullħadd il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li l-klima pożittiva li nħolqot fil-pajjiż qed tinkoraġixxi iktar investiment ġdid f’pajjiżna.

Farrugia temm jisħaq dwar l-importanza tal-espansjoni ta’ investiment eżistenti, għaliex dan jinkoraġixxi t-tisħieħ ta’ impjiegi ta’ kwalità u jassigura investiment f’Malta għal tul ta’ żmien.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend