30 ‘Għaqda’ jgħidu tagħhom dwar in-nisa fil-Parlament – One News

Notifiki

30 ‘Għaqda’ jgħidu tagħhom dwar in-nisa fil-Parlament

Id-dokument għar-riforma li twassal għal iktar nisa fil-politika ġibed l-interess ta’ 30 organizzazzjoni, fosthom għaqdiet u partiti politiċi, li ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni. 

Kien fl-aħħar jiem li s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni ppubblika rapport dettaljat dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni u saħansitra ppubblika b’mod awtentiku l-pożizzjoni mibgħuta mill-għaqdiet.

Anke jekk kien hemm numru ta’ bidliet suġġeriti għal dak propost, il-konklużjoni ċara minn dan il-proċess kienet dik li l-parteċipanti jappoġġjaw il-ħsieb ta’ miżuri pożittivi. Filfatt, il-maġġoranza assoluta tal-għaqdiet, speċjalment dawk li jaħdmu fis-settur tal-ugwaljanza, laqgħu b’mod pożittiv il-bidliet proposti.

B’hekk qed jidher b’mod ċar li l-erba’ prinċipji maħsuba fil-proposta oriġinali jipprovdu pakkett ta’ miżuri importanti li jistgħu jġibu bidla mingħajr iktar dewmien. Tant li r-rapport jgħid li l-prinċipji tar-riforma se jitressqu fil-Parlament tul din il-leġiżlatura.

Il-kumitat tekniku li ħadem fuq dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jinnota li kien hemm mistoqsijiet li tqajmu, iżda kkonkluda: “Minkejja dawn il-mistoqsijiet, meta wieħed iħares lejn ir-rispons kollettiv huwa rakkomandat li din ir-riforma tkun implimentata mingħajr dewmien bil-għan li tkun fis-seħħ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022”.

Kien saħansitra nnotat li jekk jintilef dan iċ-ċans l-ewwel ċans biex din il-bidla tieħu l-ħajja imbagħad ikunu l-elezzjonijiet ġenerali tal-2027.

Ir-riforma proposta tipprovdi mekkaniżmu korrettiv imħaddem bħala parti mis-sistema elettorali li diġà teżisti, xi ħaġa li filwaqt li ntlaqgħet minn bosta sabet l-oppożizzjoni tal-Alternattiva Demokratika.

Anke jekk ħalla xi domandi dwar id-dettall u laqgħa li kellha tkun skedata biex wieħed jifhem aħjar ma saritx, il-Partit Nazzjonalista kien ukoll favur il-mekkaniżmu korrettiv. “Jekk in-numru ta’ nisa ma jilħaqx l-40%, għandu jidħol il-mekkaniżmu korrettiv ‘as a last resort’,”qal il-Partit Nazzjonalista fir-rispons tiegħu.

Il-kumitat tekniku analizza wkoll il-proposta li l-partiti jkunu obbligati li jressqu lista ta’ kandidati fejn 50% jkunu nisa u l-listi jkunu separati biex jassiguraw li jkun hemm nies eletti. Iżda, kien konkluż li bis-sistema elettorali preżenti din mhix possibbli. Din mhix l-unika proposta li biex titħaddem sew kellha bżonn bidliet li jmorru lil hinn minn din ir-riforma, u filwaqt li kien rikonoxxut li temi ta’ dan it-tip jistgħu jkunu meqjusa bħala parti mir-riforma elettorali huwa meħtieġ li l-bidla li żżid is-sehem tan-nisa ssir minnufih.

Bidla oħra hija maħsuba biex il-partiti jiksbu finanzjament biex jaħdmu fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneru. Fost oħrajn biex jinvestu fit-taħriġ u diversi inizjattivi oħra li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Kien hemm min staqsa jekk din hix xi bidla biex jiddaħħal il-finanzjament tal-partiti millistat, iżda dan kien miċħud hekk kif il-fondi se jkunu strettament marbuta u jistgħu jkunu anke skrutinizzati mill-Awditur Ġenerali.

Hemm qbil ukoll li l-Ispeaker tal-Parlament imexxi riforma ta’ miżuri flessibbli u “family friendly” fil-Parlament.

Fl-aħħar jiem is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia żvelat li tkellmet mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex dan jinnomina żewġ persuni biex ikunu parti minn kumitat tekniku dwar il-bilanċ bejn is-sessi f’riforma parlamentari.

Il-proposta taħseb biex minn 14%, ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament toqrob minn tal-inqas lejn rappreżentanza ta’ 40%.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend