Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ħatar lill-Membru Parlamentari Ewropew Dr Miriam Dalli sabiex tmexxi l-kummissjoni dwar il-qalba ta’ pajjiżna lejn l-użu ta’ vetturi li ma jniġġsux.
Issa li tħejjew l-istudji preliminari se jingħata bidu għat-tieni fażi tax-xogħol ta’ din il-kummissjoni biex fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla titħabbar id-data finali sa meta l-vetturi l-ġodda f’pajjiżna jridu jkunu vetturi li ma jniġġsux. Dan ma jfissirx li min ikollu karozza taħdem bil-petrol jew diesel ikollu jneħħiha, iżda li l-karozzi li jiġu impurtati f’ Malta wara dakinhar ma jkunux iniġġsu. Hu stmat li fis-snin li ġejjin il-prezzijiet ta’ dawn il-vetturi se jorħsu drastikament.
Il-Ministru Herrera tenna li din il-fażi hija waħda kritika ħafna għal pajjiżna, pass li jirrifletti b’mod ċar l-ambizzjoni u d-determinazzjoni tal-gvern illi jkompli jieħu l-aħjar deċiżjonijiet biex kulħadd igawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-qalba lejn użu akbar ta’ vetturi li ma jniġġsux tfisser ukoll bidla radikali fil-mentalità ta’ pajjiżna sabiex tixpruna kuxjenza ambjentali. Huwa fakkar kif dan il-gvern qed jaħdem għal kwalità ta’ arja aħjar permezz tal-bidla fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, l-investiment biex jindirizza l-konġestjoni tat-traffiku u numru rekord ta’ proġetti ambjentali inkluż dawk ta’ tħawwil ta’ eluf ta’ siġar u arbuxelli indiġeni madwar Malta u Għawdex.
L-MEP Miriam Dalli, li mexxiet in-negozjati mal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea dwar tnaqqis mill-emissjonijiet CO2 mill-vetturi, qalet li grazzi għal dan il-pass se jkun assigurat li ċ-ċittadini jgawdu minn trasport li ma jniġġisx fil-gżejjer tagħna. Dalli qalet li l-kummissjoni se tipprovdi qafas ta’ kif Malta se tintroduċi vetturi li ma jniġġsux filwaqt li tieħu kunsiderazzjoni tal-aspetti kollha neċessarji, inkluż dawk soċjali, ekonomiċi, ambjentali u infrastrutturali.
“L-impenn tagħna huwa li nkunu ambizzjużi u realistiċi biex nagħmlu bidla li minnha jgawdi kulħadd,” saħqet Miriam Dalli. “B’dan nassiguraw kwalità tal-arja aħjar filwaqt li nindirizzaw it-tibdil fil-klima.”
Il-kummissjoni se tkun qed taħdem fuq strateġija ħolistika, bil-għan li tiddentifika l-miżuri u inizjattivi neċessarsji li jridu jiġu implimentati sabiex din il-qalba tkun waħda effettiva. Dan se jsir b’konusltazzjoni sħiħa ma’ entitajiet diversi u msieħba relatati fis-setturi varji. Il-kummissjoni se tkun qed tara li jkun hemm biżżejjed żmien biex is-sewwieqa u n-negozji jippjanaw bla ma jkun hemm piżijiet żejda filwaqt li tkun stabbilita l-infrastruttura meħtieġa.
Dan ix-xogħol qed isir biex Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħra Ewropej, iħejju ruħhom għat-tranżizzjoni favur trasport nadif.