L-NGOs jistgħu jibbenifikaw minn installazzjoni ta’ bejn 12 u 24 pannella solari – One News

Notifiki

L-NGOs jistgħu jibbenifikaw minn installazzjoni ta’ bejn 12 u 24 pannella solari

B’investiment ta’ miljun ewro, il-Ministeru għall-Enerġija se jgħin organizzazjonijiet volontarji sabiex jinstallaw panelli solari. B’hekk ikunu qegħdin jiġġeneraw l-enerġija f’sorsi alternattivi aktar nadifa u sostenibbli waqt li jiffrankaw mill-kont tal-elettriku. 

B’kollox se jiġu installati elfejn panella solari, li ser jitqassmu bejn l-organizzazjonijiet volontarji li se japplikaw u mhux ser joħorġu ċentezmu sabiex jinvestu f’dawn il-pannelli.

Kull organizzazjoni volontarja tista’ tinstalla bejn 12 u 24 panella, skont l-ispazju li għandhom fuq il-bejt tal-post minn fejn joperaw.

Il-Kap Uffiċjal tal-Istrateġija tal-aġenzija tal-enerġija u l-ilma Sandro Lauri qal li konxji tax-xogħol siewi li jagħmlu l-organizzazjonijiet volontarji f’pajjizna, il-gvern ħass li seta’ jgħinhom b’dan il-proġett.

Lauri stqarr li “Peress li jagħmlu xogħol siewi fil-komunità u ma jistgħux jinvestu l-gvern ra l-ħtieġa li jgħinhom u jagħmel dawn il-panelli solari”.

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi tkellem dwar l-importanza ta’ skemi bħal dawn sabiex tiġi ġġenerata aktar enerġija  nadifa. Il-Ministru Mizzi fakkar fl-inizjattivi li ħa l-gvern fl-aħħar snin fosthom li raħħas il-kontijiet tad-dawl għall-familji u n-negozji, u l-qalba għall-gass tal-powerstation mill-aktar żejt li jniġġes.

Il-Ministru sostna li “Għandna diversi skemi biex dak li jkun jippromovi l-enerġija rinovabbli. Inaqqsu t-tniġġis mill-arja  nilħqu l-miri li għandna”.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jinfetħu fl-14 ta’ Ottubru.

Izda organizzazzjonijiet li għandhom bżonn il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikunu jistgħu jibbenfikaw mill-iskema,  jistgħu jġibu l-permessi meħtieġa u japplikaw f’Marzu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend