F’Lulju Malta rreġistrat ‘surplus’ ta’ €30 miljun – One News

Notifiki

F’Lulju Malta rreġistrat ‘surplus’ ta’ €30 miljun

Ċifri pprovduti mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru li f’Lulju li għadda, il-Gvern irreġistra surplus ta’ tletin miljun ewro. 

Iċ-ċifri tal-NSO juru li d-dħul tal-Gvern matul Lulju li għadda kien wieħed b’saħħtu ħafna u laħħaq kważi l-443 miljun ewro. Fl-istess waqt in-nefqa tal-Gvern kienet ta’ kważi 413 -il miljun ewro.

Miċ-ċifri joħroġ ukoll li fl-ewwel 7 xhur tas-sena, id-dħul tal-Gvern baqa’ b’saħħtu b’żieda fid-dħul mit-taxxi ta’ madwar 260 miljun ewro.

Iż-żieda qawwija fid-dħul dirett u indirett baqa’ jirrifletti r-rata rekord ta’ tkabbir fl-impjiegi f’pajjiżna fl-aħħar snin.

 Dan kien akkumpanjat minn żieda konsistenti fil-pagi li jieħu l-ħaddiema d-dar, li wasslet għal żieda fin-nefqa fil-konsum tal-familji Maltin u Għawdex. Fil-fatt id-dħul rikurrenti totali żdied bi kważi 17%

Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ ukoll li matul Lulju n-nefqa fuq l-investimenti pubbliċi kompliet tikber b’mod sinifikanti tant li bejn Jannar u Lulju ta’ din is-snea, iż-żieda fin-nefqa kapitali kienet ta’ ħamsa u disgħin miljun ewro.

Il-proġett tal-Gvern li jibni mill-ġdid it-toroq kollha ta’ pajjiżna fuq perjodu ta’ 7 snin, flimkien ma’ proġetti oħra mistennija jkomplu jsostnu n-nefqa kapitali fix-xhur li ġejjin.

Matul dan il-perjodu, in-nefqa rikurrenti tal-Gvern żdied bi tliet mija u sitt miljun ewro, bl-akbar infiq ikun fi programmi u inizjattivi.

Dan kien rifless l-aktar fl-implimentazzjoni ta’ bosta miżuri tal-baġit li daħlu fis-seħħ din is-sena kif ukoll miżuri oħrajn li ddaħħlu b’suċċess fil-baġit  ta’ qabel fosthom is-servizz ta’ childcare bla ħlas, is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha, il-miżura ta’ tnaqqis fit-taxxa, mediċini u trattamenti b’xejn għal pazjenti b’mard kroniku u żieda fil-benefiċċji soċjali għall-perduni vulnerabbli.

Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ ukoll li l-imgħaxijiet fuq id-dejn tal-Gvern naqsu bi 12-il miljun fl-ewwel sitt xhur tas-sena.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li dawn ir-riżultati pożittivi fil-finanzi pubbliċi jikkumplimentaw l-aħħar analiżi li għamlu l-ekonomisti tad-DBRS li sejħu t-tkabbir ekonomiku fl-aħħar sitt snin bħala wieħed eċċezzjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend