ARA: Grupp ta’ Maltin itemmu proġett ta’ skola fil-Kenja – One News

Notifiki

ARA: Grupp ta’ Maltin itemmu proġett ta’ skola fil-Kenja

Ħafna drabi nisimgħu kemm il-Malti jgerger u jġibhom bi kbar madankollu hemm qbil li fejn tidħol il-karità għal min l-iktar li jinsab fil-bżonn, il-Maltin ikunu lesti li jagħtuk qalbhom. 

Dan l-ispirtu ġenwin deher fuq wiċċ 25 membru mill-għaqda mhux governattiva Karibu mal-wasla tagħhom f’Malta wara 3 ġimgħat ta’ missjoni fil-Kenja.

Tistennihom fl-ajruport kien hemm ġemgħa kbira ta’ nies fosthom qraba u ħbieb, li mal-wasla tagħhom laqgħuhom b’ferħ liema bħalu.

Hemmhekk One News tkellem ma’ Ryan Micallef u Michela Cassar, żewġ parteċipanti li ħadu sehem f’din il-missjoni.

Għal Ryan li huwa wieħed mill-membru tal-għaqda Karibu, din kienet l-ewwel esperjenza fil-missjoni, hu qalilna li din l-esperjenza biddlitu ħajtu u tgħallem jesperjenza l-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja, fosthom l-ilma.

Ryan stqarr magħna li “Napprezza iktar l-affarijiet. Dik il-ħaġa li anke ilma m’għandhomx huma u aħna ilma nsibu kemm irridu u kif irridu. Anke biex eżempju tinħasel misħun m’għandhomx. Kiesaħ biss li jkun hemm. Meta tkun hemmhekk tarhom biex jimlew l-ilma mix-xmara li lanqas ikun nadif l-ilma”.

Tal-istess fehma kienet Michela Cassar li b’din is-safra fil-Kenja mmarkat it-tieni esperjenza tagħha fil-missjoni.

Hija spejgat kif l-għan ewlieni ta’ din l-esperjenza kien li jtemmu proġett ta’ skola ġdida fir-raħal ta’ Mbaoini li beda sentejn ilu. Proġett li b’kollox ġie jiswa mad-90,000 ewro biex b’hekk it-tfal tal-lokal ikollhom post fejn jistgħu jitgħallmu.

Michela Cassar li hija wkoll membru qaltilna li “L-iskop tagħna huwa li nibnu l-iskejjel u biex ovvjament dawn it-tfal ikollhom edukazzjoni xierqa. Aħna din is-sena għamilna, komplejna l-iskola ta’ Mbaoini li kien il-proġett tagħna fi 3 snin”.

Dan mhux kollox hekk kif Karibu tul dawn it-tliet ġimgħat bdew proġett ieħor ta’ skola ġdida li mistennija tiftaħ il-bibien tagħha f’Jannar li ġej.

Ryan temm jgħid li “Morna post ieħor jismu Watamu u bdiet proġett ieħor fuq skola biex tinfetaħ f’Jannar issa”.

Fuq kollox sostna li l-imħabba lejn l-oħrajn hija l-mutur li jimbottahom biex ikomplu jwettqu proġetti li qed jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ eluf ta’ tfal.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend