Xogħlijiet li kienu għaddejjin f’sit tal-università f’Tal-Qroqq wasslu għall-ħsarat konsidervoli f’parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku tal-Enemalta.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li l-każ seħħ aktar kmieni llum meta waqa’ ġebel f’mini ta’ distribuzzjoni.
Dawn il-ħsarat laqtu l-konnettività bejn iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tal-Mosta u l-Kappara u xi friegħi oħra li jissupplixxu ż-żona ta’ Sta. Venera.
L-Enemalta qalet li minkejja l-ħsara li saret, l-impatt fuq il-konsumaturi kien minimu.
Żiedet tgħid li fl-aħħar sigħat u fil-ħin li ġej, il-ħaddiema se jwettqu ħidma kontinwa biex din il-ħsara ma tħallix effett fuq il-provvista tal-elettriku.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali bl-Enemalta mhix teskludi li jista’ jkun hemm xi interruzzjonijiet qosra waqt li jkunu qed jitwettqu t-tiswijiet.
L-Enemalta qalet li se tagħmel dak kollu possibbli biex tillimita xi inkonvenjent li jista’ jinħoloq kawża ta’ dawn it-tiswijiet.