AĠĠORNATA: Jixhed l-immigrant li ttajjar u tħalla minxur fl-art f’Ħal Far – One News

Notifiki

AĠĠORNATA: Jixhed l-immigrant li ttajjar u tħalla minxur fl-art f’Ħal Far

F’awla tmienja fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-akkużati Lorin Scicluna u Francesco Fenech. Dan hekk kif jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Lassibe Souleymanne u l-feriment ta’ żewġ immigranti oħra b’arma tan-nar sparata minn ġo karozza fi Triq il-Ġebel f’Ħal Far. 

Fil-bidu tas-seduta l-ispettur Keith Arnaud preżenta dokument ta’ 47 paġna b’ritratti meħudin minn kameras tas-sigurtà madwar Malta li b’mod kronoloġiku jirrakkontaw il-vjaġġ tal-karozza ta’ Lorin Scicluna qabel u wara d-delitt. Qal li d-dokument fih ukoll ritratti tal-karozza Volkswagen Golf ta’ Francesco Fenech quddiem il-garaxx ta’ sieħbu Lorin.

Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ wkoll l-immigrant li fil-bidu ta’ Frar kien itajjar bil-karozza fl-istess triq. Megħjun minn interpretu, Mai Malimi mic-Chad irrakkonta kif huwa kien għaddej minn triq li tagħti għal Ħal far minn Birżebbuġa, bejn it-8 u d-9 ta’ filgħaxija meta f’daqqa waħda karozza li kienet ġejja minn warajh laqtitu. Qal li dam siegħa mal-art fuq il-post u wara sar jaf li kellu daqqa f’rasu u idu miksura. Spjega kif sar jaf x’ġara għax qalulu żewġ immigranti oħra li kienu għaddejjin minn hemm. Spjega li wieħed minnhom biss kien jafu u illum m’għadux jinsab f’pajjiżna.

Id-difiża talbet sabiex wara rapporti fuq gazzetti lokali li xi xhieda fil-każ kienu se jħallu l-pajjiż, il-qorti tordna li l-ebda xhud li ta x-xhieda tiegħu jew għadu se jixhed ma’ jithalla jitlaq qabel isirlu l-eżami u l-kontro-eżami.

Il-prosekuzzjoni qalet li hija m’għandiex din l-informazzjoni iżda se tivverifika. Dan filwaqt li l-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrrugia saħqet li l-ebda xhud m’għandu jitħalla jitlaq qabel isirlu l-eżami u l-kontro-eżami f’din il-kumpilazzjoni.

Fil-ħin li ġej il-qorti mistennija tkompli tisma’ iżjed xhieda dwar dan il-każ.

Tliet support workers li jahdmu mal-AWAS fit-tent village f’Ħal Far irrakkontaw kif nhar l-1 ta’ Frar għal ħabta tal-10.10 ta’ filgħaxija, is-securities li kien hemm mal-grada ġabu tliet persuni fejn l-uffiċċju tagħhom. Qalu kif Malimi ingieb minn tnejn sħabu li wkoll huma residenti f’Ħal Far. Spjegaw kif dawn qalulhom li Malimi kien involut fi ġlieda f’Birżebbuġa, madankollu huwa qal li hu kien intlaqat minn karozza.

Il-Qorti ħatret espert tal-ballistika Olandiż sabiex jagħmel it-testijiet fuq l-arma tal-għamla CZ p-10 li allegatament intużat biex twettaq ir-reat. Fis-seduta li jmiss mistennija jinstemgħu bosta xhieda oħra fosthom l-eks tfajla ta’ Lorin Scicluna. Mistennija wkoll issir it-trattazzjoni tal-libertà proviżorja hekk kif ikunu xhiedu ix-xhieda importanti kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend