Jinżamm arrestat wara li allegatament stupra tfajla wara l-ewwel ‘date’. – One News

Notifiki

Jinżamm arrestat wara li allegatament stupra tfajla wara l-ewwel ‘date’.

Tyson Grech, ta’ 23 sena u jogħod l-Isla, ma ngħatax il-helsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkuzat li stupra tfajla. L-ispettur Eman Hayman li qed imexxi l-prosekuzzjoni rrakonta kif fis-16 ta’ Awissu t-tfajla għamlet rapport li wara li marret fuq date u xorbot l-inbid hu kien stupraha, madankollu riedet biss tagħmel it-testijiet u mhux rapport formali. 

Jumejn wara hija reggħet ikkuntatjat il-pulizija u qaltilhom li tixtieq tirraporta u tmexxi l-każ. Filwaqt li inħatret inkjesta maġisterjali hija xhiedet kif kienet ħarġet date ma’ Tyson wara li bdew jitkellmu fuq sit soċjali. Qalet kif meta marru hemm “ħa kontroll fuqha” u filwaqt li xorbu l-inbid ħin minnhom ma kinitx taf x’inhi tagħmel. Qalet li qamet fl-appartament tal-imputat għalkemm kienet għarfitu li tixtieq tmur id-dar. Spjegat ukoll kif qamet bil-ħwejjeg ta’ taħt biss fuqha u kellha uġigħ fil-parti intima tagħha. Il-prosekuzzjoni kompliet tirrakkonta kif it-tfajla qalet li l-akkuzat kompla biex neżżagħha u hemmhekk stupraha.

L-akkuġat wiegeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u d-difiża talbet għal ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li għalkemm huwa kkolabora mal-pulizija u kkonferma li kien hemm rapport sesswali bejniethom huwa mhux affidabbli. Dan anke minħabba l-fatt li huwa diġà għandu l-fedina penali maħmuġa b’reat ta’ natura sesswali.

L-avukat difensur qal li minħabba li l-allegat vittma diġà tat ix-xhieda tagħha m’hemmx biża’ ta’ intralċ tal-provi. Dan filwaqt li spjega li jekk ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest il-kumpanija li għandu tal-kiri tal-karozzi kienet se tisfaxxa fix-xejn għax ma kellux ma min iħalli x-xogħol.

Meta qieset kollox il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ma tatux il-ħelsien mill-arrest.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend