Imniedi d-dramm ‘Noti mis-Sema’ – One News

Notifiki

Imniedi d-dramm ‘Noti mis-Sema’

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet id-dramm ‘Noti Mis-Sema’li ser ikun parti minn edizzjoni oħra tal-Bambina Fest imtella’ mill-Għaqda Abbatini tax-Xagħra. 

Fi Pjazza l-Vitorja fix-Xagħra, il-Ministru Caruana qalet kif il-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma kontinwa sabiex jippromwovi l-kultura fil-komunitajiet tagħna. Żiedet tgħid li huwa d-dmir tal-Ministeru għal Għawdex li jkompli jinvesti u jassisti sabiex f’Għawdex ikolna attivitajiet simili fil-komunitajiet tagħna. 

Il-Ministru Caruana qalet li “irridu nkomplu ninvestu fl-għaqdiet tagħna u fit-talent lokali biex ikollna kalendarju kulturali mimli, kalendarju li fih verament ikun il-vetrina t’Għawdex, għaliex Għawdex hija d-destinazzjoni matul is-sena kollha u għandna prodott illi huwa ta’ kwalita u li ċertament jilħaq ukoll gosti, ambizzjonijiet u aspettattivi differenti.”

Min-naħa tiegħu l-Arċipriet tax-Xagħra, Mons. Carmelo Refalo tenna li dan id-dramm huwa frott l-immaġinazzjoni u l-arti tal-grupp żagħżugħ tal-vokazzjonijiet. Qal li l-Bambina Fest bdiet 40 sena ilu bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tax-Xagħra, fejn fiha kienu joħorġu t-talenti tat-tfal Xagħrin.

Mons. Refalo spjega kif fis-snin preċidenti, bil-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tfal, kienet titella’ festa ta’ talenti, fosthom kant, żfin, poeżiji u tiżjin tal-kartolini, pupi u anke roti, li kollha kienu jfakkru t-twelid tal-Bambina jew il-ġrajja tal-Assedju l-Kbir. 

Għal dan il-Ministru Caruana qalet li “għandna x-xorti li għandna l-knejjes tagħna maestużi bi pjazez attrazati li faċilment jistgħu jitrasformaw ruħhom f’teatru sabiex jilqgħu t-talenti tat-tfal tagħna”.

Dan id-dramm oriġinali huwa miktub minn Alexander George Farrugia, taħt id-direzzjoni ta’ Christabel Bajada u Anthony Joe Borg, bis-sehem tat-tfal u l-adoloxxenti Xagħrin li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 3 u 21 sena. 

Id-dramm ser jitella’ fl-1 ta’ Settembru fi Pjazza l-Vittorja fix-Xagħra fid-21:30 u d-dħul kollu ser ikun b’xejn. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend