Lejlet li jitla’ siparju fuq il-Karnival tas-Sajf, dilettanti tal-karnival sellmu mill-ġdid lil Jean Paul Bonett li bħal-lum ġimgħa tilef ħajtu f’diżgrazzja b’xokk elettriku waqt li kien qiegħed jagħmel l-aħħar irtokki fuq karru tal-karnival f’maħżen fil-Marsa.
Filmat li kiseb one.com.mt juri lid-dilettanti tal-Karnival viżibbilment emozzjonati jsellmu lil seħibhom li tul ħajtu kollha ħadem kemm felaħ biex il-Karnival ta’ Malta jieħu spinta ‘l quddiem u bixra aktar professjonali.
Miġbura lkoll flimkien f’maħżen tal-karnival qabel saqu wieħed mill-karrijiet lejn Buġibba, id-dilettanti tal-Karnival kantaw liċ-Chippy l-kanzunetta ta’ Freddie Portelli u qalulu li se jibqa’ f’qalhom “għal dejjem!”.