Tas-Sanità mhux kuntenti bis-sitwazzjoni fil-‘Paloma Complex’ – One News

Notifiki

Tas-Sanità mhux kuntenti bis-sitwazzjoni fil-‘Paloma Complex’

L-għada li l-pulizija wettqet rejd li matulu nġabru aktar minn 150 persuna li nstabu jgħixu f’irkejjen żgħar u f’sitwazzjoni deskritti degredanti, ONE News huwa infurmat li l-post għadu f’sitwazzjoni prekarja u mhux post li fih jistgħu jgħixu n-nies. 

Sorsi qrib l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li fl-aħħar sigħat beda xi tindif fil-binja li wassal ukoll għal infestazzjoni ta’ wirdien.

L-awtoritajiet qed jisħqu li l-post għandu jingħalaq u qegħdin jitolbu lil persuni li qed jgħixu fil-post biex jiġbru ħwejjiġhom u joħorġu ’l barra.

Matul il-jum, l-ispetturi tas-saħħa marru fil-binja akkumpanjati mill-uffiċjali tal-pulizija u sabu għadd ta’ kmamar li ma kellhom l-ebda ventilazzjoni.

ONE News kien ukoll fuq il-post u seta’ jara xi xogħlijiet ta’ tindif li kien għaddej fil-binja.

Hu mifhum li taħt numru ta’ kundizzjonijiet setgħu jintlaqgħu nies biex jgħixu f’dik li kienet il-Paloma Complex f’San Pawl il-Baħar.

Minkejja dan, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu lil dan l-istazzjon li l-awtoritajiet finanzjarji qed jinvestigaw jekk kinitx qed titħallas it-taxxa u l-VAT dovuta fuq il-ħlasijiet li kienu qed iħallsu l-immigranti li kienu qed jgħixu fil-binja.

Immigranti li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li kienu qegħdin iħallsu bejn 200 u 350 ewro kera fix-xahar.

Intant wieħed mill-persuni li fil-jum tat-Tnejn deher jitkellem mal-pulizija u hu mifhum li kien jiġbor il-kera m’għand l-immigranti saħaq li tas-sanità għamlu lejl jaraw li l-post jitnaddaf.

Saħansitra qal li nbidlet l-għamara ġol-post.

Huwa qal dan wara li oġġezzjona għall-ħidma ta’ ONE News tant li f’ħinijiet minnhom ta s-salt u attakka crew ta’ dan l-istazzjon.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend