Jean Paul Bonett jingħata l-aħħar tislima – One News

Notifiki

Jean Paul Bonett jingħata l-aħħar tislima

“Jean Paul kien raġel li jgħix il-filosofija tal-ħajja fejn kellu għerf speċjali kif kien kapaċi jżewweġ il-festa ta’ San Gejtanu mal-Karnival.” 

Hekk iddeskriva lil Jean Paul Bonett ta’ ħamsa u erbgħin sena mill-Ħamrun l-Arċipriet Walter Cauchi waqt l-omelija tal-funeral li sar fil-Knisja ta’ San Gejtanu.

Bonett tilef ħajtu traġikament il-Ħamis li għadda wara li ħa xokk elettriku waqt li kien qiegħed jagħmel l-aħħar irtokki fuq karru tal-Karnival, 24 siegħa qabel tela’ s-separju tal-Karnival tas-sajf, f’maħżen fil-Marsa

Deskritt bħala raġel qalbieni u dejjem lest biex jgħin, Bonett kien maħbub minn kulħadd bil-mewta traġika tiegħu ħasdet lil kull min jafu l-aktar sħabu fil-qasam tal-Karnival.

Kienu mijiet ta’ persuni li ħonqu l-Knisja ta’ San Gejtanu biex jagħtu l-aħħar tislima lill-ħabib u qarib tagħhom Jean Paul b’Fr. Cauchi fakkar kif Bonett kien wieħed mir-reffiegħa tal-istatwa ta’ San Gejtanu fil-festa tal-Ħamrun.

Qal li Jean Paul kien bniedem b’saħħtu, iddedikat u raġel b’qalb kbira fejn kien bniedem li ħass, għen u għix. Fr. Cauchi kompla biex iddeskriva lil Jean Paul bħala raġel li kien ipaċpaċ ftit iżda jaħdem ħafna.

Qal kif minkejja li kulħadd jinsab sogħbien għat-telfa ta’ ħabib kbir, il-proverbju jgħid li l-qamħa trid tmut biex tagħti l-frott fejn fakkar kif Bonett kien il-bniedem li dejjem kien lest li jagħmel pjaċir mill-qalb b’ġenwinità.

U hekk kif temm l-omelija, għal ftit sekondi kien hemm silenzju li jtarrax. Dan sakemm dawk kollha preżenti kissru dan is-silenzju b’ċapċipa liema bħalha bħala turija ta’ rispett lejn ħabib li minkejja ħalla din id-dinja se jibqa’ mnaqqax f’qalbhom għal dejjem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend