Ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn April u Ġunju li għadda, it-turisti li qagħdu fil-postijiet turistiċi żdiedu b’aktar minn tlieta fil-mija. Fl-istess perjodu, l-ammont ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’dawn il-postijiet laħqu l-miljun u tlett mitt elf lejl.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li aktar minn ħames mija u ħamsa u sebgħin elf turist qagħdu f’dawn il-postijiet u bejniethom qagħdu medja ta’ ħamest iljieli.
Iċ-ċifri juru wkoll li l-użu tas-sodod kien ta’ kważi erbgħa u sebgħin fil-mija, tnaqqis marġinali ta’ 1.3 punti perċentwali meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
L-NSO żied jgħid li fl-ewwel nofs tas-sena, l-ammont ta’ viżitaturi f’dawn l-akkomodazzjonijiet laħħaq kważi d-disa’ mija u ħamsin elf viżitatur u baqgħu fl-istess ilma tas-sena li għaddiet. Fl-istess waqt l-ammont ta’ ljieli laħqu kważi l-erba’ miljun u ħames mitt elf lejl.
F’Ġunju li għadda kien hemm aktar minn 216-il post ta’ akkomodazzjoni li bejniethom kellhom disponibbli aktar minn 18-il elf sodda.