Wara 60 sena Chadwick Lakes qed jirċievi tindifa papali biex iżomm iżjed ilma – One News

Notifiki

Wara 60 sena Chadwick Lakes qed jirċievi tindifa papali biex iżomm iżjed ilma


Wara kważi sittin sena ma jitnaddaf Wied il-Qlejgħa jew kif inhu magħruf aħjar Chadwick Lakes beda jitnaddaf fejn diġa tneħħew mal-erba’ metri ta’ ħamrija u ħama.

B’hekk dan il-wied importanti għall-pajjiżna għaliex huwa l-aktar wied li jżomm ilma ġo fih se jista’ jilqa’ ġo fih mal-35 miljun litru ta’ ilma.

Ix-xogħol beda f’Mejju li għadda u għalkemm il-proġett qiegħed imfassal fuq medda ta’ sentejn oħra, jekk is-sajf ikun itwal kapaċi x-xogħol jintemm sajf ieħor.

Waqt ix-xogħlijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano saħaq kif inkixfu l-passaġġi oriġinali tal-ilqugħ li kien iddissinja Sir Osbert Chadwick lejn tmiem is-seklu dsatax.

L-investiment huwa ta’ ħames miljun ewro, b’4.3 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.

Meta dalgħodu saret konferenza tal-aħbarijiet fejn il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia żaru x-xogħlijiet li għaddejjin intqal kif se jitħawlu ħames t’elef siġra endemika.

Il-Ministru Mizzi qal li b’dan il-proġett il-bdiewa se jkunu jistgħu jieħdu l-ilma flok jippumpjaw l-ilma minn taħt l-art.

Qal li l-ilma li se jkun qed jiflaħ dan il-wied wara li anki tneħħew kwantitajiet ta’ skart se jkun kapaċi jagħti l-ilma lill-villaġġ ta’ tliet elef ruħ.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia spjega kif dan huwa legat li qed inħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri u lit-tfal tagħna.

Saħaq li bl-irranġar ta’ dan il-wied se jiġu iżjed turisti li flimkien mal-Maltin jagħżlu passiġġata ħelwa fil-kampanja f’dawn l-inħawi.

Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku Rabti Sandro Craus li spjega kif kien hemm karba li fl-aħħar instemgħet biex dan il-wied ma jitħalliex fi stat ta’ telqa.

Hu mistenni li mal-ewwel xita, il-ħidma ta’ tħaffir tieqaf iżda tibda oħra biex il-post jerġa’ jieħu dehra rurali bħal xogħol fuq il-ħitan tas-sejjieħ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend