Kien argument jaħraq mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li wassal lill-kunsillier ta’ Tas-Sliema Pierre Portelli biex jirriżenja mill-kariga ta’ President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista.
Qalu dan ma’ One News sorsi fid-Dar Ċentrali, li huma mistgħaġba kif Adrian Delia, qiegħed f’sitwazzjoni tant ħażina, li qiegħed jitlef anki lil dawk li kienu ta’ spalla għalih fl-aktar mumenti diffiċli fil-karriera poltika tiegħu.
L-Erbgħa tal-għadda Pierre Portelli qal li xeħet ir-riżenja minn President għax ma jistax jiddedika aktar ħin liberu minn tiegħu lil din il-fergħa fil-Partit Nazzjonalista.
Minkejja din l-impressjoni li prova jagħti, jirriżulta li r-rizenja tiegħu kienet xprunata minn diżgwid li allegtament kellu ma’ Adrian Delia.
Is-Sibt li għadda Portelli xeħet ritratt ta’ id ta’ raġel qiegħed jegħreq. Riflessjoni, tas-sitwazzjoni li jinsab fiha Adrian Delia bħalissa.
Bil-messaġġ – Life Tip – Once you feel avoided by someone, never disturb them again. B’Pierre Portelli jidher li qiegħed iħossu imwarrab min xi ħadd, possibbilment Adrian Delia nnifsu.
Portelli kiteb li dan il-messaġġ huwa storja vera u li issa wasal iż-żmien li jkollu miri ġodda f’ħajtu.
Il-messaġġ ta’ Portelli ġab reazzjoni mill-ewwel fost l-esponenti ewlenin mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Bid-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi ikun minn tal-ewwel li għamillu like fuq dan il-messaġġ iebes b’referenza diretta għal Adrian Delia.
Ireaġġixxa wkoll Ivan Bartolo, l-ex kandidat nazzjonalista li mexxa l-kampanja ta’ dawk li riedu jisfiduċjaw lil Adrian Delia.
Anki jekk kien qal li kulħadd għandu jagħlaq ħalqu u jimxi wara l-kap, b’dak li kiteb lil Pierre Portelli fetħilha kontra Delia u dwar in-nuqqasijiet kbar tiegħu.
Bartolo kiteb lil Pierre Portelli – “Or fight back as their reason to avoid you or others is only to protect their shortcomings.”
Pierre Portelli u Adrian Delia kienu qishom ħobża u sikkina, iżda għal xi raġuni kellhom argument jaħraq, li wassal lil Portelli sabiex jirriżenja mill-kariga tiegħu fil-Partit.
F’Ġunju, Pierre Portelli kien kiteb li għamel għadd ta’ proposti imma qegħdin jiġu injorati.
Ir-riżenja ta’ Portelli tingħaqad ma’ għadd ta’ esponenti oħra, li matul dawn l-aħħar ġimgħat irriżenjaw mill-kariga tagħhom fil-Partit Nazzjonalista.
Fosthom kien hemm Mark Anthony Sammut li rriżenja minn President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista u David Stellini li rriżenja minn deputat nazzjonalista u President tal-amministrattiv wara t-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.
Fl-aħħar xhur irriżenja wkoll Pierre Portelli minn Kap ezekuttiv tal-midja nazzjonalista. U David Camilleri irrizenja minn tezorier tal-Partit Nazzjonalista. Zewġ rizenji li seħħew f’mument ta’ diżgwid bejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia u l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Filwaqt li numru ta’ kunsilliera u membri irriżenjaw mill-Partit Nazzjoanlista fosthom Norman Vella u Herman Farrugia.