154 immigrant jinġabru f’rejd f’San Pawl il-Baħar – One News

Notifiki

154 immigrant jinġabru f’rejd f’San Pawl il-Baħar

F’rejd kbir li sar kmieni t-Tnejn filgħodu mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni, mija u erbgħa u ħamsin persuna nstabu jgħixu illegalment f’dik li kienet il-lukanda Paloma li tinsab fi Triq il-Ġifen, f’San Pawl il-Baħar.

Fil-passat din il-binja kienet tintuża wkoll bħala akkomodazzjoni għall-istudenti tal-Ingliż iżda s-sidien dawruha f’għadd ta’ kmamar illegali biex jgħixu fihom mijiet ta’ immigranti.

L-operazzjoni tal-pulizija tal-immigrazzjoni mgħejjuna mill-pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett tal-Qawra bdiet għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu. L-immigranti bdew jiġu żgumbrati minn dan il-kumpless bl-uffiċjali tal-pulizija dehru jiġbru l-passaporti u kull xorta ta’ dokument li kellhom fuqhom l-immigranti.

L-operazzjoni tal-Pulizija ħadet aktar minn ħames sigħat u hekk kif jixhdu l-filmati, ħafna kmamar kienu inaċċessibbli u deskritti bħala labrint perikoluż.

Sorsi fuq il-post qalulna li kull resident kien iħallas bejn mitejn u tliet mija u ħamsin ewro fix-xahar sabiex ikollu rokna b’saqqu ġewwa waħda minn dawn il-gebubi li kienu wkoll immarkati b’numru biex is-sidien ikunu jafu min qed jgħix f’kull kamra.

B’hekk hu mifhum li s-sidien kienu qed jagħmlu iżjed minn erbgħin elf ewro fix-xahar.

Saħansitra kien hemm nies jgħixu ġewwa kmamar żgħar mibnijin b’kull xorta ta’ injam u plastik. Minħabba d-diversi perikli li kien hemm fil-post fosthom servizzi tal-elettriku perikolużi u faċilitajiet sanitarji fi stat diżastruż, l-operazzjoni kienet waħda kumplessa bir-residenti tal-binja bdew jinstabu moħbija f’kull rokna talblokka.

Ħin minnhom, il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit saħansitra sabu ħamest irġiel jistaħbew fuq travu, ħames sulari ‘l fuq mill-bitħa interna tal-kumpless.

Hekk kif bdew jinħarġu fuq quddiem tal-proprjetà, il-Pulizija tal-immigrazzjoni bdew jgħajtu isem isem il-persuni li nstabu jgħixu f’din il-binja.

“Kif qed taraw warajja propju hawn il-vann tal-pulziija fejn l-immigranti li nstabu wara spezzjonijiet li saru f’dik li kienet il-Paloma Complex qed jitgħabbew wieħed wieħed ġo dan il-vann tal-pulizija biex jittieħdu fid-depot tal-pulizija għal aktar stħarriġ.”

Sorsi qrib l-investigazzjoni sostnew li s-sidien ma kellhomx permess biex jużaw il-binja bħala akkomodazzjoni.

“Qegħdin jiġu ċċekjati d-depot. Il-post mhuwiex abitabbli, ħa jkollu jingħalaq imbagħad naraw x’actions oħra jridu jittieħdu minn hemm hekk.”

Is-sitwazzjoni li kienu qed jgħixu fiha tant kienet prekarja fejn hu mifhum li fix-xitwa l-postijiet kienu jergħqu filwaqt li fis-sajf kien hemm infestazzjoni ta’ ġrieden u wirdien.

Minn informazzjoni li ksibna jidher li l-maġġoranza tal-immigranti kellhom fil-pussess tagħhom permess ta’ residenza Taljan u mhux Malti.

Matul ir-rejd instabet ukoll koppja mil-Litwanja tfittex kamra fejn tikri u qassis immigrant li kien qiegħed jgħix f’dan il-kumpless. Madankollu huwa ġie rilaxxat wara li rriżulta li kellu l-permessi kollha neċessarji biex jgħix f’pajjiżna.

Bħal dan il-qassis kien hemm Niġerjana li wriet l-għadab tagħha lejn is-sidien li qed tgħid li daħqu biha wara li qalulha li kellha kollox skont il-permessi iżda imbagħad intebħet li l-post se jingħalaq u mhux se jkollha fejn tgħix.

Niġerjana: “He treated me like a slave. He didn’t tell me that he has this chaos. Last week on Tuesday I paid money. I have the ticket here.”

Surġent: “Yes you showed it to me, calm down.”

Wieħed minn dawk li kien jiġbor l-kera mar ikellimha u qalilha li flusha kien jieħodhom wieħed Russu iżda xħin induna li l-ġurnalisti qed isegwu dan kollu, dlonk talabha jidħlu ġewwa.

Li jiġbor il-kera: “Your money I don’t take it. I give it to the Russian… shhh”

Niġerjana: “Don’t tell me shhh, I’m not your…”

Li jiġbor il-kera: “Jekk jogħġobkom, isma’ mhux hawn hekk, come with me”

Niġerjana: “Ok let me take my bag.”

F’mument minnhom qamet ukoll kommossjoni fejn wieħed li hu mifhum li kien involut fil-ġbir tal-kera ried jagħti s-salt għall-ġurnalisti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend