Xini tal-Feniċi u ajruplan tal-gwerra fost l-affarijiet li jinsabu f’qiegħ il-baħar Malti – One News

Notifiki

Xini tal-Feniċi u ajruplan tal-gwerra fost l-affarijiet li jinsabu f’qiegħ il-baħar Malti

Hekk kif eluf ta’ nies bħalissa ċertament qed jinżlu jiffriskaw fil-baħar Malti, żgur li ħafna ma jafux li f’qiegħ l-istess baħar li jgħumu fih, hemm xini ta’ elfejn u seba’ mitt sena ta’ żmien il-Fenċi, ajruplani ta’ żmien il-Gwerra l-Bierda u fuħħar ta’ żmien il-preistorja.
Il-Professur fl-Universita ta’ Malta Timmy Gambin, spjega ma’ ONE News kif apparti fuq l-art, l-istorja rikka tal-gżira ċkejkna tagħna hija riflessa wkoll fl-ibħra Maltin.

Il-Professur Gambin qal: “kważi is-sebat elef sena tal-istorja tagħna hija riflessa f’qiegħ l-ibħra Maltin”

Il-Professur spjega kif kull ħaġa li hemm taħt il-baħar, saħansitra anke xi biċċa fuħħar żgħira li tkun ilha f’qiegħ il-baħar aktar minn ħamsin sena, tibda titqies bħala wirt storiku u eventwalment tiġi protetta bil-liġi.

Huwa qal: “Il-liġi hija ċara, il-liġi tgħid li kull ma hemm taħt il-baħar jew kull oġġett li ilu taħt il-baħar għall-iżjed minn ħamsin sena, hija kkunsidrata bħala wirt kulturali”

Il-Professur spjega kif qiegħ il-baħar jikkonsisti fi tlett elef u ħames mitt kilometru, u l-Universita ta’ Malta għaddejja b’ħidma biex iddur dawn iż-żoni kollha sabiex tiċċertifika oġġetti u affarijiet oħra ta’ wirt kulturali.

Gambin qal: “Hemm ħafna u ħafna fdalijiet, ħafna iżjed milli konna naħsbu għaxar snin ilu u ħafna iżjed milli konna naħsbu għoxrin sena ilu.”

Huwa qal li l-fdalijiet li qed jinstabu huma mijiet kbar u mhux numru li tista’ tgħoddu fuq subgħajk kif jaħsbu ħafna.

Il-Professur spjega wkoll kif dan l-aħħar f’qiegħ il-baħar instabet biċċa ta’ wirt kulturali prezzjuża ferm, li ma qalilniex x’inhi minħabba diskussjonijiet li għadhom għaddejjin mal-awtoritajiet kif ukoll mal-qraba tal-persuna nvoluta.

Iżda qalilna li meta dan l-oġġett jiġi ċċertifikat, se jżid biċċa oħra mal-istorja tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Intant fil-jiem li għaddew, il-Ministeru għall-kultura ħabbar li saru emendi fil-liġi biex tinkludi speċifikament id-definizzjoni tal-wirt kulturali li jinsab fit-territroju ta’ madwarna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend