Twassal il-valur tal-fidi permezz tal-arti – One News

Notifiki

Twassal il-valur tal-fidi permezz tal-arti

Fl-entratura tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-Belt, jispikkaw biċċiet tal-arti b’personalitajiet Reliġjużi, frott it-talent ta’ mara ta’ ħamsa u tletin sena li ilha minn ċkunitha bin-namra lejn l-arti.

Francelle Page Agius tispjega kif kollox beda meta kienet għadha tifla, fejn qatt m’uriet interess lejn is-suġġetti akademiċi, iżda minn dejjem xtaqet tistudja l-arti.

Dak iż-żmien ma kellhiex riżorsi, iżda l-omm ta’ żewġt itfal ma qatgħetx qalbha u fl-aħħar snin iddeċidiet li taħdem bis-serjetà biex twettaq il-ħolma tagħha.

Hija taħdem b’materjali diversi fosthom żejt u lapes. Stqarret li l-arti kollha hija sabiħa, iżda bi tbissima qaltilna li l-akbar passjoni tagħha hija l-arti sagra.

“Kont tifla niftakar dejjem kont nidħol fil-Knisja ta’ San Ġużepp tal-Imsida nara l-arti niġġennen, addio quddiesa, moħħi fid-dettall tal-pittura, imma naraha għandha meaning beyond anki meta naħdimha, hemm feeling li affarijiet oħra ma jagħtuhx, hemm meaning spiritwali li ma nistax nispjegah bil-kliem.”

L-artista qalet li huwa privileġġ għaliha l-fatt li wieħed mill-Ministeri ewlenin qed iservi ta’ vetrina għal xogħolha, u rrimarkat li b’dan il-mod qed jitwassal il-messaġġ importanti.

“Illum għandna kultura thank God, u thank lil min qed jieħu ħsieb, li l-arti hija wkoll edukazzjoni. Li l-arti hija xogħol, hija sengħa, daqs kwalunkwe professjoni oħra.”

Bil-pittura ta’ San Ġużepp fl-isfond, Francelle stqarret li din hija l-iktar biċċa arti għal qalbha, b’rabta speċjali mat-tfulija.

“Għandi missieri mill-Imsida, kbirna hemmhekk man-nanniet, allura jagħtini nostalġija fit-tfulija tiegħi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend