Fid-Dar Ċentrali, partikolarment fl-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali, nibet tħassib ġdid. Dak li f’mument fejn il-Partit Nazzjonalista tilef numru ta’ każini, l-alleat tagħhom qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, jaf qed taħsibha biex tkun hi li tiftaħ każin.
Dan l-inkwiet beda wara applikazzjoni tad-Deputat Marlene Farrugia quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex proprjetà li akkwistat f’Ħaż-Żabbar fl-aħħar snin tibdilha f’dak li qed jissejjaħ ċentru soċjali u kulturali. L-applikazzjoni ilha xhur li tressqet quddiem l-Awtorità iżda kien biss dan l-aħħar li kienet innutata.
Uffiċjalment il-Partit Demokratiku qatt ma ħabbar li se jkun qed jiftaħ xi każin politiku u l-gazzetta KullĦadd m’għandha ebda konferma mingħand il-partit tal-oranġjo.
Iżda, kulħadd jaf li l-proprjetajiet ta’ Farrugia huma l-lok fejn isiru ħafna mil-laqgħat u fejn isir ħafna mix-xogħol tal-Partit Demokratiku li bħalissa reġa’ jinsab bla kap wara r-riżenja (mhux l-ewwel darba) ta’ Godfrey Farrugia.
Kienu nies qrib l-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli li kixfu magħna kif f’Tal-Pietà huma mħassba bl-applikazzjoni li hi ffirmata mill-Perit Paul Camilleri, li nzerta hu l-prim kuġin tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Din l-applikazzjoni titlob biex il-proprjetà, li min jaf Ħaż-Żabbar jgħidlek li hi ta’ ċertu valur u ġġib il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro, ikollha permess imġeded għal alterazzjonijiet, estensjoni. Fl-istess ħin qed tintalab bidla fl-użu għal dak li qed jissejjaħ ċentru soċjali u kulturali.
Fl-istamperija dan kien interpretat bħala l-ftuħ ta’ każin ġdid u l-inkwiet kiber wara dikjarazzjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħat li nies mill-Partit Nazzjonalista telqu lejn il-Partit Demokratiku wara li l-Kap tal-Partit Adrian Delia rebaħ il-vot ta’ fiduċja. Kulħadd jaf li nies bħal Simon Busuttil, Karol Aquilina u Jason Azzopardi jħossuhom ferm iktar komdi ma’ Marlene u Godfrey Farrugia u l-biża’ li dawn jiftħu xi tip ta’ ċentru politiku hija theddida reali li mhix tkun injorata.
Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli ilu jattakka żmien lill-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, minħabba l-alleanza qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet. Għal bosta drabi attakka lil Farrugia għallmod kif imxiet wara li l-Partit Nazzjonalista ta’ palk u leħen biex fl-aħħar elezzjoni ġenerali rebħet siġġu fil-Parlament minflok deputati tradizzjonali tal-Partit Nazzjonalista. Issa mhux talli Marlene Farrugia se jkollha palk iżda talli l-biża’ hi li jkollha każin meta l-Partit Nazzjonalista qed jagħlaq minnhom.