Għexieren ta’ pazjenti li jmutu fl-ITU jagħtu l-organi u jgħixu f’ħaddieħor – One News

Notifiki

Għexieren ta’ pazjenti li jmutu fl-ITU jagħtu l-organi u jgħixu f’ħaddieħor

Mill-2015 sal-lum, tnejn u erbgħin persuna li kienu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, u ġew iddikjarati klinikament mejta, taw l-organi tagħhom u qed jgħixu f’ħaddieħor. 

Il-koordinatur tat-trapjanti fl-Isptar Mater Dei Paul Calleja spjega kif meta jkun hemm suspett li pazjent fl-ITU huwa klinikament mejjet, jiskatta proċess ta’ testijiet biex jikkonfermaw jekk il-moħħ huwhiex mejjet jew le.

Dawn it-testijiet isiru darbtejn f’ħames sigħat minn professjonisti differenti.

Jekk it-tnejn jikkonfermaw li l-moħħ mhux jaħdem, bil-liġi, il-pazjent jiġi ddikjarat klinikament mejjet, iżda kif spjega tajjeb is-Sur Calleja, dan ma jfissirx li l-organi kollha huma mejta. Huwa qal: “Minħabba li tkun qiegħda ġo ITU u d-demm ikun għadu qed jiċċirkola, persuna tkun qed tieħu n-nifs u qalbha tkun qed tħabbat permezz tal-magni jiġifieri once li jintfew, dik il-persuna ma tkunx kapaċi tieħu n-nifs allura anki qalbha tieqaf, imma minħabba li tkun qiegħda fuq dawn il-magni, id-demm ikun għadu qed jiċċirkola fl-organi allura l-organi jibqgħu ħajjin.” 

Bħalissa hemm mija u disa’ persuni li qed jistennew organu bit-tama għal ħajja aħjar. Disgħin qed jistennew kilwa, ħmistax kornea, u erbgħa qalb.

Meta jkun hemm pazjent li jiġi ddikjarat klinikament mejjet, il-professjonisti jiċċekkjaw fir-reġistru tad-donaturi jekk hux reġistrat.

Jekk ikun reġistrat bħala donatur tal-organi, legalment, l-awtoritajiet għandhom id-dritt jieħdu l-organi, għalkemm xorta tiġi kkonsultata l-familja.

Kif dan il-kunsens jinkiseb, jiskatta proċess ta’ testijiet biex jaraw liem organi huma tajbin għad-donazzjoni.

Paul Calleja qal: “Dawk l-organi li huma tajbin naraw lil min nistgħu nagħtuhom, jiġifieri hawn Malta aħna nieħdu l-kliewi u l-qalb, u l-kornea bħala tissue. L-organi l-oħra noffruhom barra minn Malta hemm ftehim mal-Italja u l-Ingilterra fejn l-organi li aħna m’għandniex programm li nittrapjantaw, neħduhom barra.”

Is-Sur Calleja temm ifakkar li jekk persuna tiddeċiedi li tagħti l-organi tagħha, tista’ ssalva sa tmien ħajjiet.

Ir-reġistrazzjoni biex wieħed isir donatur tinsab fuq is-sit elettroniku organdonations.gov.mt, jew permezz ta’ applikazzjoni mill-isptar, jew miċ-ċentri tas-saħħa.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend