Il-ħidma bil-għan li persuni b’diżabbiltà jsibu posthom fid-dinja tax-xogħol mhijiex tieqaf malmulti u d-dixxiplina għal dawk li ma josservawx il-liġi.
Iktar minn hekk qed isir xogħol kbir biex persuni b’abbiltajiet differenti jkunu mħejjija tajjeb biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li jinħolqu f’suq li kulma jmur għandu bżonn iktar ħaddiema.
Il-liġi tgħid li kumpanija jrid ikollha 2% tal-impjegati tagħha li huma persuni b’diżabbiltà u wara deċennji injorata, tul dawn l-aħħar snin l-awtoritajiet daħlu għal impenn b’saħħtu biex din il-liġi ma titħalliex biss fuq il-karta.
Fost l-entitajiet li qed ikollhom irwol importanti f’dan kollu hemm Jobsplus u l-Lino Spiteri Foundation. Fondazzjoni li nħolqot flaħħar snin u taħdem bil-multi ta’ dawk li ma jkunux osservaw il-liġi.
Fi tweġibiet lill-gazzetta KullĦadd dwar kif qed jintużaw il-flus ta’ dawk il-kumpaniji li jagħżlu li jħallsu kontribuzzjoni minflok jimpjegaw persuna b’diżabbiltà kien spjegat kif illum huma ferm inqas il-kumpaniji li jagħżlu jieħdu dik it-triq.
Fl-istess ħin intqal lilna li ngħata s-servizz ta’ 30,000 siegħa job coaching lill-persuni b’diżabbiltà matul esperjenzi ta’ work exposure jew waqt l-impjieg.
Jirriżulta li sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 kien hemm 487 intrapriża privata, fosthom 20 grupp ta’ kumpaniji, li fallew milli jilħqu l-kwota ta’ impjegati b’diżabbiltà. Minnhom, 335 intrapriża privata, fosthom 18-il grupp ta’ kumpaniji, ħallsu l-kontribuzzjoni bejn is-sena l-oħra u din is-sena. Bejniethom ħallsu €1,176,600. Fl-istess waqt Jobsplus għadha għaddejja bil-proċess biex tiġbor il-kumplament tal-flus.
“Il-flus imsemmija li nġabru mill-kontribuzzjonijiet intużaw minn Jobsplus u l-Lino Spiteri Foundation fl-2018 biex jassistu persuni b’diżabbiltà jidħlu fid-dinja tax-xogħol,” kien spjegat lill-gazzetta KullĦadd. Fost dawk li qed jagħmlu xogħol li hu deskritt bħala wieħed li jiswa mitqlu deheb hemm il-Profiling & Guidance Officers. Dawn jiltaqgħu b’mod regolari mal-persuni b’diżabbiltà li qed jirreġistraw għax-xogħol biex jidentifikaw l-abbiltajiet u l-ħiliet biex ifasslu pjan t’azzjoni li potenzjalment iwassalhom għal xogħol addattat.
Imbagħad hemm il-Corporate Relations Officers. Dawn għamlu madwar 600 żjara f’kumpaniji diversi biex jidentifikaw u joħolqu (job crafting) opportunitajiet ta’ xogħol addattati għall-klijenti.
Flimkien mat-taqsima li toffri t-taħriġ ġew riferuti 585 persuna b’diżabbiltà għal taħriġ speċifiku organizzat minn Jobsplus filwaqt li 68 persuna b’diżabbiltà severa ipparteċipaw fi programm ta’ sena ta’ Sheltered Employment Training.
Barra minn hekk, instab xogħol lil 138 persuna b’diżabbiltà filwaqt li nżammu fl-impjieg bis-sapport ta’ coaching 366 persuna. Ta’ min jinnota li dawn il-bidliet huma wkoll riflessi fl-istatistika tal-qgħad bil-persuni b’diżabbiltà huma fost dawk li rreġistraw l-ikbar titjib fejn ir-rata ta’ qgħad fost dawn il-persuni qatt ma kienet baxxa daqs illum.
M’hemmx dubju li dawn is-servizzi ta’ dawn l-entitajiet ukoll wasslu biex iktar kumpaniji laħqu l-kwota stabbilita fil-liġi ta’ 2%. Dan in-numru żdied minn 24% fl-2015 għal 60% sal-aħħar tal-2017. Titjib konsiderevoli fl-implimentazzjoni ta’ liġi li għal snin twal tħalliet għalkollox fuq l-ixkaffa.