Żieda fit-trasport tal-iskejjel tal-knisja u indipendenti – One News

Notifiki

Żieda fit-trasport tal-iskejjel tal-knisja u indipendenti

Permezz ta’ miżura importanti fil-budget, il-familji li għandhom it-tfal tagħhom jattendu fl-iskejjel indipendenti u tal-knisja qed igawdu minn trasport b’xejn għal dawn l-iskejjel. 

Jane Caruana li tisħaq fuq kif jeżistu żewġ skemi waħda għat-trasport tal-iskejjel tal-istat u oħra għal dak tal-iskejjel indipendenti u tal-knisja spjegat kif hemm żieda qawwija fl-operaturi li joffru s-servizz tat-trasport għall-iskejjel indipendenti u tal-knisja.

Jane Caruana, manager tat-trasport u loġistika qalet: “Fejn jidħol l-operaturi tat-trasport tal-iskejjel indipendenti u tal-knisja s-sena l-oħra bdejna s-sena skolastika bi tmintax-il operatur biss fl-iskema. Kif bdiet għaddejja s-sena skolastika bdew jiżdiedu l-operaturi u sal-aħħar tas-sena skolastika konna diġa lħaqna l-mija u sebgħin operatur u bi pjaċir inħabbar li ħa nibdew sena skolastika ġdida b’mitejn u erbgħin operatur f’din l-iskema, jiġifieri hemm hekk ovvjament żdiedet is-supply.”

L-operaturi tat-trasport tal-iskejjel jisħqu fuq kemm dawn l-iskemi tat-trasport qed jinċentivawhom biex ikabbru l-operat tagħhom.

Norbert Grech, operatur tat-trasport tal-iskejjel qal ma’ ONE News: “Ħadt l-opportunità bl-iskema tal-Gvern li nivesti f’vann. Bdejt is-sena l-oħra, kelli skola waħda u din is-sena għandi żewġ t’iskejjel. Imħallsin tajjeb ħafna, ma nistgħux ingergru u dejjem tħallasna fil-ħin. Jiġifieri skema tajba ħafna.”

Orazio Spiteri, operatur ieħor tat-trasport tal-iskejjel qal ma’ ONE News: “Kulħadd iħares l-operaturi lejn investiment iktar il-għaliex mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni nitħallsu fil-bidu tax-xahar 75% u imbagħad kif jispiċċa x-xahar ovvjament nirċievu l-pagament tax-xahar li jkun għadda.”

Għall-użu tas-servizz tat-trasport b’xejn għall-iskejjel indipendenti u tal-knisja hemm mat-tnax-il elf tifel u tifla, b’investiment tal-Gvern ta’ tmien miljuni u nofs ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend