Grupp ta’ żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena qattgħu nofstanhar f’esperjenza li qarrbithom mal-kunċett ta’ xogħol volontarju fl-Arkivji Notarili l-Belt Valletta.
Din l-inizjattiva mtella’ mis-Segretarjat għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplfikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hi parti mill-kampanja Achievers fir-riforma mmirata biex żgħażagħ jinvestu l-ħin liberu tagħhom f’dixxiplini differenti fosthom sports, arti, u kultura u jitbiegħdu mill-vizzji, fosthom drogi.
Iż-żgħażagħ segwew mill-qrib il-ħidma li ssir fl-Arkivji Notarili ta’ Malta, minjiera ta’ wirt storiku li tiġbor fiha kollezzjoni vasta ta’ dokumenti storiċi u li jmorru lura għal mijiet ta’ snin. Huma kellhom spjegazzjoni fuq dokumenti li jitfgħu dawl fuq x’tip ta’ ikel kien jittiekel fuq il-vapuri fi żmien il-kursari kif ukoll sezzjoni ta’ kif isir kafè tipiku Malti.
Dr Joan Abela, storiku fi ħdan l-Arkivji Notarili, spjegat il-ħidma f’dawn l-arkivji. Fissret kif bosta voluntiera minn żmien għal żmien jagħtu l-ħin liberu tagħhom f’dan il-post mimli storja.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, li wkoll kien preżenti, filwaqt li feraħ liż-żgħażaġħ preżenti, qal li l-protezzjoni tal-wirt storiku hija xi ħaġa kruċjali u għalhekk inizjattivi li jħeġġu l-volontarjat fost iż- żgħażagħ f’dan is-settur huma inizzjattivi ta’ min ifaħħarhom.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ferħet liż-żgħażagħ preżenti li wieġbu għas-sejħa biex jingħaqdu mar-riforma Achievers.
“Aħna rridu nkunu ġenerazzjoni ta’ politiċi li nagħmlu differenza bl-eżempji li nagħtu. Irridu niżirgħu mentalità u kultura li mhux kollox jgħaddi imma li nagħmlu dawk il-passi differenti li jħallu impatti posittivi fis-soċjetà tagħna,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.
“F’ħajti sibt li l-volontarjat jagħmlek bniedem komplut f’kull sens, u nawgura li l-pass tal-lum se jkun il-bidu ta’ avventura sabiħa fil-vjaġġ tagħkom iż-żgħażagħ,” fissret is-Segretarju Farrugia Portelli.
Iż-żgħażagħ ingħataw ċertifikat tal-attendenza.