Tħassib serju dwar in-nirien fl-Amażonja – One News

Notifiki

Tħassib serju dwar in-nirien fl-Amażonja

Tkompli tisħon il-qiegħa b’rabta man-nirien kbar li qegħdin jiddominaw fl-Amażonja – deskritt bħala l-akbar pulmun tad-dinja. 

Fl-aħħar żviluppi, Franza u l-Irlanda qalu li mhux se jirratifikaw ftehim mal-Brażil li għandu sittin fil-mija tal-foresta għax mhux jagħti sehmu biex jiġġieled in-nirien.

Din l-ikbar foresta fid-dinja hija mifruxa fuq 7,000,000 kilometru kwadru, u tinsab f’disa’ pajjiżi fl-Amerka t’Isfel – l-aktar fil-Brażil.

Fiha hemm xejn inqas minn tliet mija u disgħin biljun siġra ta’ 16,000 speċi.

Aktar kmieni dan ix-xahar kien hemm il-Professur fl-Università ta’ Malta Louis Cassar – li jispeċjalizza fl-ekoloġija tal-pajsaġġ.

Flimkien miegħu għal din l-esperjenza ta’ riċerka fl-Amażonja, kien hemm numru ta’ studenti li kienu qed joqogħdu mal-34 kilometru bogħod minn wieħed mill-villaġġi li llum qed jinqered bin-nirien.

Id-Direttur tal-Istitut għas-Sistemi Ambjentali, Louis Cassar qal “Il-foresta hija importanti, hija l-pulmun tad-dinja, l-ikbar foresta u patrimonju dinji. Ma naħsibx li hija responsabbiltà biss tad-9 pajjiżi li fihom issib partijiet mill-Amażonja, il-Brażil għandu l-ikbar medda ta’ 60%, ma naħsibx li hija responsabbiltà unika iżda dinjija.”

Il-Professur Cassar qal li l-impatt se jinħass għal ħafna żmien, kemm fejn tidħol tibdil fil-klima, tniġġis tal-ajra, bijodiversità, u ekoċidju – jiġifieri kulturi u nies li jgħixu fl-Amażonja.

Cassar tennna li “Sas-sena l-oħra huwa stmat li tlifna 17% tal-foresta. Dak li narawh bħala tipping point, in-numru maġiku huwa 20-25%. Ladarba naslu sa 20-25% ta’ telf tal-foresta, tiġi meqjusa li nbidlet minn rainforest għal non-forestal ecosystem.

Il-Professur spjega li l-effett mhux se jinħass biss fil-kontinent milqut, iżda mad-dinja kollha, u huwa għalhekk li fil-fehma tiegħu, l-Amażonja għandha tiġi meqjusa bħala patrimonju dinji, bil-għan li kulħadd jagħti sehmu biex jiġġieled in-nar u l-impatt li se jħalli.

“Il-Gvern attwali Brażiljan mhux qed jgħin, huwa tal-lemin estrem, kważi neo-faxxista, u naħseb li ftit hemm rispett lejn il-patrimonju ambjentali”, temm jgħid Cassar.

In-numri ppubblikati fl-aħħar jiem huma impressjonati. Ix-xahar li għadda nqerdu aktar minn elfejn u mitejn kilometru kwadru ta’ veġetazzjoni. In-nirien qerdu żona kbira daqs il-Ġermanja b’kull minuta qed jinqerdu daqs 3 grawnds tal-futbol.

Sitwazzjoni drammatika għal wieħed mill-eko sistemi mill-aktar għanja fid-dinja.

Fir-riskju hemm l-20% tal-produzzjoni tal-ossiġinu u tal-ilma tal-pjaneta minbarra l-10% tal-bijodiversità dinjija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend