L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ma laqgħetx rikors biex ma jibdiex il-ġuri ta’ Etienne Bartolo magħruf bħala ‘Il-Vojt’ fit-2 ta’ Settembru li ġej.
Ir-rikors tressaq mill-familja tal-vittma Roderick Grech li kien inqatel jumejn wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina f’Birkirkara.
Il-familja tal-vittma mgħejjuna mill-avukat Franco Debono tilfet ir-rikors biex ma jibdiex il-ġuri anki jekk l-avukat tagħhom argumenta li l-qraba tal-vittma ma ġewx notifikati li se jibda l-ġuri.
Fir-rikors, l-Imħallef qalet li quddiem il-Qorti, il-familja tal-vittma qatt ma kellha sehem u qatt ma kienet tidher bħala parte civile.
Dan anki jekk l-avukat Franco Debono ġieli deher jassisti lil familja tal-vittma.
Fir-rikors li ressqet, il-familja tal-vittma qalet li l-ġurati mhux se jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex joħorġu verdett ġust.
Allegatament ‘Il-Vojt’ qatel lil dak li kien magħruf bħala iċ-‘China’ wara li dan tal-aħħar ried jixtri d-droga iżda ma kellux flus.
L-akkużat saħaq li hu kien ħareġ sikkina biex jiddefendi ruħu hekk kif skont hu l-vittma ta daqqiet fuq spalltu.