Il-bambinella qed tmut bil-mod – One News

Notifiki

Il-bambinella qed tmut bil-mod

Meta Jannar tarah lewliemi ma tarax il-bidwi hieni.

U propju Jannar li għadda xarrab mhux ħażin u Frar mhux b’inqas minnu, biex b’hekk affettwa ħażin u mhux ftit il-frott tas-sajf.

Fost dawn hemm il-bambinella li tikber biss f’Malta u li Malcolm Borg, lettur dwar il-biedja fl-MCAST qal li b’dispjaċir jeħtieġ nixprunaw il-produzzjoni ta’ din il-forma ta’ lanġasa ċkejkna, tqarmeċ u b’togħma ħelwa. Is-Sur Borg qal: “Il-bambinella li hija lanġasa żgħira, tip ta’ lanġasa żgħira ssibha tikber f’Malta biss, sa fejn nafu aħna u allura propju għandna responsabilità li ngħożżu dan il-wirt gastronomiku u anki naturali li għandna aħna għax jekk tinqered din il-bambinella f’Malta tkun inqerdet mid-dinja kollha.”

Malcolm Borg qal li l-frott tas-siġra tal-bambinella naqas għal bosta raġunijiet.

“Inqalgħu ammont sostanzjali ta’ siġar minħabba raġunijiet varji, minħabba mard, minħabba s-suq li forsi ma kienx qed iġib prezz tajjeb għall-produtturi tal-bambinella u allura l-produzzjoni tal-bambinella naqset u sfortunatament ma tantx jidhru sbieħ ħafna l-affarijiet.”

Fl-intervista mimlija għarfien dwar il-biedja, stajna napprezzaw il-fatt li l-bidwi jrid ikun amministratur tajjeb għaliex il-fatturi li jiġru f’xahar partikolari, il-bidwi se jarahom tnax-il xahar wara.

“Jekk jiġri xi ħaġa ħażina fit-temp jew tagħmel xi maltempata kbira jew anki jkun hemm nexfiet twal jew inkella jagħmel ir-riħ, tagħmel ix-xita meta s-siġra jkollha l-fjura, sewwa? U allura jaffettwaw ħażin il-fjura. Dawn l-affarijiet kollha ħa jaffettwawa s-siġra u l-produzzjoni tal-frott.”

Il-Kap taċ-ċentru tal-agrikolatura fl-MCAST spjega li l-aktar frott li ntlaqat huwa dak maqtugħ ix-xahar li għadda fejn il-fjura tiegħu bdiet toħroġ matul il-bidu tar-rebbiegħa li fiha venven mhux ftit ir-riħ.

Bil-kliem jerġa’ jmur fuq il-bambinella, Malcolm Borg jgħid li bħalma pajjiżna jieħu ħsieb il-wirt storiku ta’ pajjiżna; bħat-tempji neolotiċi u elf ħaġa oħra, hekk ukoll irridu nieħdu ħsieb dik il-frotta li meta jiġi s-sajf tkun trid idduqha mitfugħ taħt xi siġra bil-qorq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend