Diżgwid ieħor fil-Partit Nazzjonalista, reġa kixef il-qasma kbira li hemm fil-Partit Nazzjonalista bejn il-fazzjoni Delia u l-fazzjoni Busuttil.
Kien il-kunsillier ta’ Birkirkara Justin Schembri li ħoloq kwistjoni oħra fil-Partit Nazzjonalista li rrabjat lil fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Il-Ġimgħa fuq Facebook, Justin Schembri kiteb li jaqbel mal-politika tal-Ministru Taljan, Matteo Salvani. Politika estremista.
Il-kumment, ġab rabja kbira mill-fazzjoni Busuttil li riedu jiddistngwu ruħhom minn dak li kiteb Schembri.
Schembri huwa esponent qrib l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, u fil-ġurnata li vvutaw dwar il-futur tiegħu l-kunsilliera Nazzjonalisti, Justin Schembri tela’ fuq il-palk jitkellem favur Delia.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-fazzjoni Busuttil ħatfet l-okkazzjoni u mal-ewwel kitbet kontrih u attakkatu. Anki għaliex dak li kiteb xejn ma jagħmel ġieħ.
Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder meta ra l-opinjoni ta’ Schembri sejjaħlu bħala miġnun, filwaqt li iddisasoċċja ruħu mill-kumment ta’ Schembri.
Kiteb ukoll d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u tefa’ ritratt ta’ missieru, Eddie Fenech Adami u qal li dawn huwa l-valur li jħaddan.
Intant, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma ħariġx jikkundana dak li kiteb Justin Schembri.