Jissoktaw l-investigazzjonijiet b’rabta mal-mewt traġika ta’ Jean Paul Bonnett – One News

Notifiki

Jissoktaw l-investigazzjonijiet b’rabta mal-mewt traġika ta’ Jean Paul Bonnett

L-għada tad-diżgrazzja li ħasdet il-ħajja f’qasir il-għomor ta’ Jean Paul Bonnett, dilettant ewlieni tal-Karnival, il-Pulizija u l-esperti tal-Qorti ssoktaw bl-investigazzjonijiet tagħhhom fil-maħżen tal-Buffalo Carnival Company biex jistabbilixxu d-dinamika tal-inċident. 

F’xatt il-mollijiet fil-Marsa, dehru l-pulizija u espert tal-Qorti fejn propju tilef ħajtu Jean Paul Bonnett, Ħamruniż ta’  45 sena.

Huma kienu qed jagħmlu parti mix-xogħol tal-inkjesta Maġisterjali wara li l-pulizija kompliet titkellem ma’ bosta dilettanti tal-karnival li kienu fil-maħżen fil-ħin tat-traġedja.

Bonnett tilef ħajtu wara li żelaq u ħa xokk elettriku waqt li kien qed jagħmel l-aħħar irtokki biex joħroġ il-karru tal-Karnival tas-sajf.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu lil ONE News li fil-maħżen hemm 3 salvaviti iżda għal xi raġuni dawn ma faqqgħux.

Bl-istess sorsi jgħidulna li aktarx meta l-vittma waqa’ mal-art mess mal-ħadid u ħa xokk li qatlu f’kemm trodd salib.

L-istess sorsi qalu lil dan l-istazzjon li jidher li ma nstab xejn irregolari fil-maħżen u l-karru kien mibni skont dak meħtieġ għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem.

Sadanittant id-direttur artistiku tal-Karnival Jason Busuttil spjega d-deċiżjoni tal-postponiment tal-karnival.

Jason Busuttil, Direttur Artistiku tal-Kanival qal li “Ma kinitx faċli għalina, għalija speċjalment illi jiena ilħaqt kważi l-mument propizju għaliex kont fil-viċinanzi u mort mal-ewwel. Kien leader tal-Karnival, jiġifieri kien ilu iktar minn 15-il sena bil-karrijiet fuq ismu. Allura bħala turija ta’ rispett kemm lejh, kemm lejn il-familjari u kemm sħabu d-dilettanti kollha ddeċidejna li nipposponu l-Karnival għal ġranet oħrajn.”

It-traġedja li l-komunità tal-karnival f’Malta għaddiet minnha ħasdet ukoll lill-parruċċani ta’ San Gejtanu hekk kif Jean Paul kien reffiegħ ewlieni fl-istatwa titulari tal-festa li għadha kemm għaddiet.

Fuq fomm dawk kollha li kienu midħla ta’ Jean Paul magħruf bħala ċ-Chippy kien hemm kelma waħda.

Dedikat.

Jean Paul Bonnett sena sħiħa jaħdem għal dak li tant kien iħobb, tant li anki biddel ix-xogħol biex ikun qrib il-maħżen tal-karnival li propju ġo fih iltaqa’ bla ħsieb mal-mewt.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend