Għadu jagħmel l-inbid b’waħda mill-eqdem sistemi fid-dinja – One News

Notifiki

Għadu jagħmel l-inbid b’waħda mill-eqdem sistemi fid-dinja

it-tama tal-ġar raqad bla għaxa d-dar.

Dan hu l-kontra tal-ħsieb ta’ Mark Cassar li b’passjoni liema bħala sostna kemm il-bniedem ma jistax joqgħod jgħix bit-tama iżda għandu jara hu kif jista’ jgħix b’mod sostennibli. 

Mark Cassar ilu snin jagħmel l-inbid biswit it-30 tomna art ta’ dwieli li għandu qrib is-Salib tal-Għolja.

L-inbid jagħmlu b’sistema antika ħafna fejn huwa fost l-uniċi fid-dinja.

Niżżilna fil-kantina fejn kollox jopera bl-enerġija mix-xemx u r-riħ fost l-oħrajn u qalilna kif l-inbid huwa miżmum għal sentejn sħaħ f’amfori partikolari tal-fuħħar.

“Dan il-fuħħar ġej mill-Ġorġja, il-btieti fejn hemm hekk isejħulhom kververi, bħala speċi ta’ amfori bid-differenza, id-differenza hija fil-fuħħar, fit-tafal stess illi dan it-tip ta’ tafal fih ħafna impurities, ħafna metall, deheb, fidda, magnese eċċ. li minħabba fih dawn it-tip ta’ amfori jridu bilfors jindifnu”, qalilna Cassar.

Hu u jqalleb ftit fiż-żerriegħa u l-qoxra tal-għenba li Mark jisħaq kif għal kuntrarju ta’ ħaddieħor, huwa jħalliha xahar tiffermenta, ħarġet riħa qawwija tal-għenba Maltija li żgur m’għandhiex bżonn aktar zokkor.

Qalilna kif f’din il-kantina jista’ jżomm 30,000 litru ta’ inbid.

Cassar tenna “Hawnhekk midfunin taħt 100 tunnellata silica quartz, ramel illi ġibtu mill-Italja apposta sabiex bejn iżomm it-temperatura kostanti ta’ 18-il grad celsius kif ukoll għandhom ilqugħ bażikament minħabba l-pressjoni li jagħmel l-inbid speċjalment il-kbar ta’ tliet elef litru li huma ftit li jeżistu llum il-ġurnata fid-dinja ta’ dak il-kobor.”

Mark Cassar jgħid li huwa jipproduċi inbid naturali mingħajr l-użu żejjed ta’ sulfit u pestiċidi fid-dwieli tiegħu.

Illum Mark jesporta l-inbid anki lejn ir-Russja u l-Ġappun iżda dak li tassew jiżbogħ it-tazzi se jkun anki espost tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod.

L-inbid se jkun parti integrali mill-‘Festa Għeneb’ li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-pjazza tas-Siġġiewi.

Fil-knisja Arċipretali se jkun hemm ukoll bosta kalċijiet esebiti li jmorru lura ż-żmien u oħrajn li warajhom hemm storja interessanti.

 L-Arċipriet tas-Siġġiewi Dun Josef Mifsud qalilina “Ħa jkun hawn anki l-kalċi ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi, kalċi li kien irregala l-Papa Pawlu VI ukoll, illum qaddis, kalċi li kien ġie relagat mill-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni Phoskolus fl-1981″.

Fuq kollox dawk li jogħxew għall-inbid, ‘Festa Għeneb’ hija attività li se ssir propju fid-dar naturali ta’ dik il-frotta li minnha jsir l-inbid.

Is-sindku frisk tas-Siġġiewi spjega kif fil-pjazza se jkun hemm numru t’attivitajiet fosthom kompetizzjoni tal-inbid.

 Is-Sindku tas-Siġġiewi, Kurstein Sant stqarr “Fis-Siġġiewi għandna area rurali kbira u 500,000 metru kwadru minnhom huma dwieli biss, allura bħalissa fiż-żmien li qed jinqata’ l-għeneb ma jistax jonqos illi ta’ kull sena jkun hawn din il-festa għeneb fis-Siġġiewi”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend