Il-kunsillier ta’ Tas-Sliema Pierre Portelli, persuna qrib ħafna tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, irriżenja mill-kariga ta’ President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa ħabbar ir-riżenja tiegħu fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook fejn ta x’jifhem li l-ħin ħieles li għandu jrid jibda jqattgħu għall-affarijiet oħra important f’ħajtu, minflok imexxi din il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista.
F’email indirizzata lill-Kap Nazzjonalista u lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli huwa qalilhom li kien qed jirriżenja b’effett immedjat mill-kariga ta’ president tal-kulleġġ kunsillier lokali tal-Partit Nazzjonalista.
Din id-deċiżjoni ħadtha bl-akbar mod responsabbli u seren fid-dawl li jien ma nħoss li għandi ħin biżżejjed biex inkompli nagħti sehmi f’din il-fergħa, kiteb Portelli.
Ir-riżenja tiegħu ħasdet lil diversi esponenti Nazzjonalisti minħabba l-ħbiberija li kellu mal-kap Nazzjonalista, li ma setgħux jifhmu kif abbanduna din il-kariga, f’sajf mill-aktar jaħraq għal Delia.
Fil-fatt, is-sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna li ma jeskludux li Portelli seta’ kellu xi forma ta’ diżgwid ma’ Delia, u nżamm kollox mistur fl-uffiċċju tiegħu ta’ Dar Ċentrali, sabiex jipprova jikkalma l-affarijiet u jġib lill-Partit Nazzjonalista jiffunzjona ta’ Partit fl-oppożizzjoni.
Ir-rizenja ta’ Pierre Portelli tingħaqad ma’ għadd ta’ esponenti oħra, li matul dawn l-aħħar ġimgħat irrizenjaw mill-kariga tagħhom fil-Partit Nazzjonalista.
Fosthom kien hemm Mark Anthony Sammut li r-rizenja minn President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista u David Stellini li rriżenja minn Deputat Nazzjonalista u President tal-Amministrattiv wara t-telfa kbira li ġarrab lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Fl-aħħar xhur irriżenja wkoll Pierre Portelli minn Kap Eżekuttiv tal-midja Nazzjonalista. U David Camilleri irrizenja minn tezorier tal-Partit Nazzjonalista. Żewġ riżenji li seħħew f’mument ta’ diżgwid bejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia u l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Filwaqt li numru ta’ kunsilliera u membri irriżenjaw mill-Partit Nazzjonalista fosthom Norman Vella u Herman Farrugia.