L-aġenzija tal-wirt kulturali Heritage Malta ċaħdet li fit-tempji tal-Imnajdra se jittella’ xi party.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal rapport fil-midja, Heritage Malta qalet li kulma se jittella’ huwa sempliċiment recording ta’ mhux aktar minn siegħa.
Heritage Malta żiedet tgħid li s-sit li huwa wirt dinji tal-UNESCO se jintuża biss bħala sfond għal attività li se tixxandar b’mod dirett minn kumpanija tal-midja li hija segwita minn aktar minn miljun ruħ fuq YouTube u miljun u sitt mitt elf ruħ fuq Facebook.
Heritage Malta żiedet tgħid li l-organizzaturi huma marbutin b’għadd ta’ restrizzjonjiet, fosthom il-livell ta’ mużika u d-dwal li se jintużaw biex jitħarsu t-tempji. Żiedu jgħidu li fl-ebda ħin mhu se jkun hemm aċċess għat-Tempji tal-Imnajdra u li l-uffiċjali ta’ Heritage Malta se jkunu preżenti biex jassiguraw li jiġu segwiti l-kundizzjonijiet kollha.
Fuq kollox irrimarkaw li għal din l-attività mhu se jkun hemm ebda udjenza. Kulma se jkun hemm preżenti huwa d-DJ Denis Sulta li se jdoqq mużika fi sfond tax-xemx u t-Tempji tal-Imnajdra li se tixxandar live fuq l-internet.