L-ekwipaġġ tal-Jarhead Young Sailor’s Foundation jikkompetu b’suċċess fir-Rolex Fastnet – One News

Notifiki

L-ekwipaġġ tal-Jarhead Young Sailor’s Foundation jikkompetu b’suċċess fir-Rolex Fastnet

L-ekwipaġġ żagħżugħ tal-Jarhead Young Sailor’s Foundation għadu kemm irritorna Malta wara prestazzjoni ta’ suċċess fit-tellieqa internazzjonali tal-ibburdajr – ir-Rolex Fastnet. Din il-kampanja kienet immexxija mill-iskipper ta’ esperjenza internazzjonali Nikki Henderson u l-ewkipaġġ magħmul minn Fabio Galea, Emilie Gregory, Greg Mifsud Orlando, Patrice Pace, Saul Vassallo, Francesca Zammit u Zachary Zammit.

Din kienet it-tieni esperjenza internazzjonali ta’ dan l-ekwipaġġ li ftit ilu ħadu sehem, fuq il-jott J/109 JYS Jan, fit-tellieqa organizzata mir-Royal Ocean Racing Club, it-tellieqa Cowes – Dinard – St. Malo kif ukoll tellieqa fil-Fliegu Ingliż.

Ir-Rolex Fastnet hija it-tellieqa prinċipali tar-Royal Ocean Racing Club li ssir kull sentejn u din is-sena attirat flotta rekord ta’ 388 jottijiet. It-tellieqa ta 605 mil nawtiku hija waħda mill-ikbar tlielaq offshore tad-dinja u l-korsa tara l-flotta ttellaq fil-fliegu Ingliż bejn Land’s End u l-gżejjer Scilly. Minn hemm il-flotta tkompli lejn il-Baħar Ċeltiku għal Fastnet Rock, li hi erba’ mili lejn in-nofsinhar tal-Irlanda. Min hemm il-korsa tkompli lejn Bishop Rock u l-gżejjer Scilly, qrib il-peniżola Lizard sa kemm jispiċċaw f’Plymouth.

L-ekwipaġġ tal-Fondazzjoni ikkompeta fl-IRC Class 3, li hi waħda mill-ikbar Klassijiet tal-flotta u li rat ħafna mill-aqwa timijiet offshore jikkompetu ma’ ekwipaġġi iżgħar. Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu ġeneralment moderati. Minkejja dan, l-ekwipaġġ kellu jikkombatti il-kurrenti li din it-tellieqa hija magħrufa għalih.

Il-prestazzjoni tal-J/109 JYS Jan kienet notevoli wara li spiċċat fil-103 post minn flotta ta’ 388 jott. Aktar sinifikanti kien t-23 post fil-Klassi 3, li rat 84 dgħajsa tieħu sehem u it-8 post fil-Klassi 3B fejn ikkompetew kontra 44 dgħajjes.

Ir-riżultat ta’ sodisfazzjon kbir minħabba li l-ekwipaġġ spiċċa fl-ewwel post fil-flotta tal-jottijiet J/109, li fosthom kien Jolly Jar Tar tar-Royal Navy SA, Mojo Rising tal-J109 Racing Ltd, Ajax tar-Royal Armored Corp YC, Red Arrow tar-Royal Air Force SA u Trojan tar-Royal Engineers YC.

Minkejja l-fatt li wħud mill-ekwipaġġ ma kellhom l-ebda jew ftit esperjenza fi tlielaq min dan it-tip, huma kienu ggwidati mill-iskipper Nikki Hendersen, li għandha snin twal t’esperjenza f’dawn it-tip ta’ tlielaq. It-taħriġ li kien sar bi tħejjija għal din it-tellieqa ntwera mir-riżultat miksub. L-ekwipaġġ irreġistra it-23 post fuq is-67 jott li spiċċaw il-klassi tagħhom. 17-il dgħajsa ma spiċċawx it-tellieqa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend