Tnejn mill-ikbar artisti internazzjonali tal-mużika klassika – l-ambaxxatur Malti għall-Kultura, it-Tenur Joseph Calleja u t-Tenur Andrea Bocelli se jerġgħu jagħtu spettaklu u divertiment mużikali f’pajjiżna b’tiżwiqa ta’ mużika klassika u popolari.
Sentejn wara, Calleja u Bocelli reġgħu għażlu lil Malta, sabiex ikantaw flimkien f’pajjiżna u jsaħħru l-udjenza Maltija u barranija li s-Sibt mistennija tattendi bi ħġarha għall-kunċert tagħhom.
Ma’ Calleja u Bocelli se tingħaqad l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali Sigmund Mifsud qal li qegħidn iħarsu ‘l quddiem għal dan il-kunċert annwali, għax flimkien mad-duo Calleja Bocelli se joffru spettaklu mill-isbaħ.
“In-nies jiġġenu għalih dan il-kuncert. L-atmosfera hija maġika u tappella ħafna.”
Fuq il-fosos tal-Floriana għaddejjin l-aħħar preparamenti għal dan il-kunċert.
Kunċert li ser jittella’ bl-għajnuna tal-Awtorita Maltija għat-turizmu. Iċ-Chairman tal-Awtorità Gavin Gulia qal li dan il-kunċert jingħaqad ma’ sensiela ta’ avvenimenti mużikali oħra li qegħdin jiġu organizzati f’pajjiżna u jattiraw eluf ta’ turisti.
“Kellna hafna events dan is-sajf. Dan il-kuncert kullana oħra ma’ events li qed iseħħu f’pajjiżna. Jiġġenera turiżmu u anki turisti li jkun pajjizna imorru jarawh.”
Mad-duo Calleja u Bocceli se jingħaqdu wkoll artisti lokali fosthom il-kantanta Ira Losco, fl-ewwel debut tagħha mat-tenur Malti.
L-istennija ta’ dan l-ispettaklu issa hija għal nhar is-Sibt fuq il-Fosos tal-Furjana bil-pubbliku li ma akkwistax biljett jista’ jgawdi l-ispettaklu minn parti maħsuba apposta fuq in-naħa ta’ wara tal-Fosos u jitpaxxa bl-atmosferma maġika li se joħolqu ż-żewġ tenuri ta’ fama dinjija.