Sentenza sospiża wara li faqa’ flixkun tal-birra f’wiċċ mara – One News

Notifiki

Sentenza sospiża wara li faqa’ flixkun tal-birra f’wiċċ mara

Raġel li fl-2006 faqa’ flixkun tal-birra f’Paċeville f’wiċċ mara ġie kkundannat tmintax-il xahar ħabs sospiżi għat tliet snin wara li nstab ħati li darab gravi tfajla b’daqqa ta’ flixkun f’wiċċha.  
L-akkużat, Gordon Farrugia ġie mixli li kkawża ġrieħi gravi lill-mara li dak iż-żmien kellha 24 sena, waqt li kien qed jixrob ma’ sħabu.

Il-vittma u l-akkużat taw verżjonijiet kunflinġġenti ta’ kif ġraw il-ġrajjiet li wasslu biex il-mara ssofri ġrieħi f’wiċċha.

Il-Qorti semgħet kif il-vittma kienet qiegħda tixrob mal-bar meta ġiet imbuttata minn żewġ nisa li kienu qegħdin jiżfnu viċin tagħha.

Minn argument verbali, eskala, tant li ż-żewġ nisa allegatament marru fuq il-vittma u bdew jagħtu d-daqqiet u jiġbduha minn xagħarha.

Kien f’dan il-mument li daħal Farrugia u faqa’ l-flixkun fuq wiċċ il-vittma.

Fix-xhieda li ta tabib qal li l-feriti kienu gravi: fosthom kien hemn ksur ħafif fuq imneħirha. It-tabib kompla jgħid li l-qtugħ li kellha saru b’oġġett li jaqta’. Din ix-xhieda tat-tabib tikkonferma l-verżjoni li tat il-vittma.

Minkejja dan l-akkużat qal li l-anqas biss kien hemm. Huwa stqarr li li l-vittma ma jafhiex u ma kellux x’jaqsam mal-affari. Dan ikkonferawh ħbieb tal-akkużat li kienu preżenti fuq il-post.

Filwaqt li waħda min-nisa qalet li l-ħaġa ġrat bil-kontra, kienet l-allegata vittma li tatha daqqa ta’ tazza. Tenniet tgħid li sa dak il-mument ħadd ma kien għadu mess lill-allegata vittma.

Xhieda li kienet fuq il-post qalet li kellhom jindaħlu l-bouncers biex iwaqqfu ġlieda bejn xi nisa.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, ddikjarat li li kien hemm biżżejjed provi biex temmen l-każ miġjub mill-prosekuzzjoni.

Għalhekk Farrugia nstab ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittma, li prova joqtolha u poġġielha ħajjitha fil-periklu.

Huwa ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend