Se tiġi organizzata “Festa Għeneb” fis-Siġġiewi – One News

Notifiki

Se tiġi organizzata “Festa Għeneb” fis-Siġġiewi

Inbid, ikel, frott u ħafna aktar.  Dawn huma kollha prodotti li tista’ tagħmel  mill-għenba, frotta li l-Maltin u l-Għawdxin iħobbu ferm.  U dawn il-prodotti se jkunu kollha f’post wieħed, fil-festa Għeneb 2019 fil-Pjazza tas-Siġġiewi. 

 
Għat-tmien sena konsekuttiva, l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, nhar il-Ħadd, 25 ta’  Awwissu, mis-6.30 ta’ filgħaxija qed jorganizza “Festa Għeneb” fil-pjazza tas-Siġġiewi fejn il-pubbliku jista’ japprezza frott ix-xogħol li jkun sar fl-ikkultivar  tal-mixtliet tal-għeneb fl-għelieqi Siġġiewin matul din is-sena. Għaldaqstant ma jistax jonqos li jkun hemm fejn wieħed jixtri l-għeneb u nbid Malti.  
 
Bħala attrazzjonjiet speċjali se jkun hemm esebizzjoni unika tal-kalċijiet tal-Parroċċa fil-Knisja Arċipretali li wħud minnhom imorru lura għall-bidu tas-Seklu 17, wirja ta’  xogħolijiet artistiċi fil-kappella ta’ Santa Marija Ta’ Ċwerra, għana tradizzjonali Malti  f’Dar Ommna Marija u logħob tradizzjonali Malti għat-tfal, kompetizzjoni tal-inbid u  spettaklu ta’ kant u żfin fost oħrajn. 
 
Ma jonqsux stands b’ikel u xorb tradizzjonali Malti għall-gosti ta’ kulħadd.  
 
Din l-attività qed tkun organizzata b’kollaborazzjoni ma’ Vitimalta, l-akbar organizzazzjoni Maltija li tikkultiva l-għeneb (www.vitimalta.org), kif ukoll bl-appoġġ tal-Awtorità tat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentali għall-Kultura u l-Gvern Lokali.  Id-dħul minn din l-attività se jkun b’risq id-Dar tal-Providenza. 
 
Dawk li jixtiequ jipparteċipaw fil-kompetizzjoni tal-Inbid jistgħu jirreġistraw fiċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi bejn l-Erbgħa, 21 ta’ Awwissu sal-Ħamis, 22 ta’ Awwissu 
mis-7.00pm sat-8.30pm.  Il-ħlas huwa ta’ €3.50 al kull flixkun.  Din il-kompetizzjoni hija mmirata lejn dawk id-dilettanti li jipproduċu kwantitajiet żgħar. 
 
Il-lokalità tas-Siġġiewi tista’ tiftaħar li għandha aktar minn 530,000 metru kwadru ta’ dwieli u għalhekk hija l-lokalità bl-għola numru ta’ mixtla tad-dwieli.  Hu stmat li hemm madwar 400 familja mis-Siġġiewi li huma direttament involuti fl-ikkultivar tad-dwieli. 
 
Għal aktar informazzjoni segwu l-paġna ta’ Facebook  https://www.facebook.com/festagheneb  
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend