Il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Kultura qal li l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA nfetaħ, kif imwiegħed, fl-2018 waqt is-sena ddedikata lill-Belt Valletta bħala l-Belt kapitali kulturali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru qal dan b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li ddeċidiet li tattakka l-miżura ta’ prevenzjoni li ħa l-Gvern biex numru ta’ kwadri f’parti fil-binja ma jibqgħux għall-wiri sakemm jiġi assigurat li s-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal.
Dan wara li fl-eqqel tas-sajf Malti, ġiet indikata żieda fil-livelli ta’ umdità f’parti minn din il-binja.
Il-Ministeru qal li l-investiment li sar fil-MUŻA jħaddan l-aqwa teknoloġiji u prattiċi fil-qasam tal-preservazzjoni.
Qal li l-bini, li għandu madwar 450 sena, jinkludi numru ta’ tibdiliet teknoloġiċi u faċilitajiet ta’ temperaturi kkontrollati.
Qal li huwa proprju bis-saħħa ta’ dawn il-faċilitajiet li, f’mument partikolari ġiet innotata ż-żieda fil-livelli tal-umdità.
Qal li hu mistenni li s-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal fi żmien qasir u l-kwadri jkunu jistgħu jerġgħu jitgawdew minn kulhadd.
Sostna li kif diġà ntqal pubblikament mill-esperti ta’ Heritage Malta ma saret ebda hsara lix-xogħlijiet artistiċi.
Il-Ministru sostna li l-Oppożizzjoni trid tiddeċiedi x’inhi l-kritika tagħha dwar il-MUZA u jekk dan infetaħx b’ħafna għaġġla jew inkella skont hi, damx biex infetaħ.
Saħaq li l-Gvern huwa kommess li jwarrab in-negattività tal-Oppozizzjoni anke fuq proġett tant pożittiv fil-qasam kulturali u jkompli jmexxi ‘l quddiem dan il-Mużew li daħal fil-qlub tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.