Is-safar tal-Maltin jiżdied b’mod sinifikanti – One News

Notifiki

Is-safar tal-Maltin jiżdied b’mod sinifikanti

Aktar minn 158,000 Malti u Maltija siefru lejn pajjiż ieħor fit-tieni kwart tas-sena.

Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi żieda ta’ tmienja punt tnejn fil-mija fis-safar tal-Maltin bejn April u Ġunju ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. 

Il-maġġoranza ta’ dawk li siefru f’dan il-perjodu, aktar minn 78,000 kellhom bejn 25 sena u  44 sena.

L-Italja u l-Ingilterra baqgħu l-aktar destinazzjonijiet popolari mal-Maltin – bi 52% tal-vjaġġi kienu lejn bliet f’dawn il-pajjiżi, għalkemm żdiedu wkoll dawk li għażlu li jmorru f’pajjiżi oħra kemm fl-Ewropa u anki lil’hinn.

Il-maġġoranza tal-vjaġġi – 88,000 – saru għal btala. Eluf oħra żaru qraba jew ħbieb, siefru fuq xogħol, jew għal raġunijiet oħrajn fosthom edukattivi jew reliġjużi.

Żdied ukoll in-numru ta’ ljieli li l-Maltin qattgħu barra minn xtutna f’dan il-perjodu. B’żieda ta’ 5% dawn ammontaw għal aktar minn 990,000 lejl.

Il-Maltin li siefru fit-tieni kwart tas-sena, nefqu bejniethom aktar minn 131,000,000 ewro. Ekwivalenti għal 833 ewro kull vjaġġ. Biex meta wieħed jara n-nefqa tal-Maltin din is-sena mas-sena l-oħra, din żdiedet bi 11.4%

Meta wieħed iżid dawn in-numri, ma’ dawk fil-kwart ta’ qabel, jirriżulta li bejn Jannar u Ġunju, il-vjaġġi tal-Maltin fl-ewwel nofs tas-sena ammontaw għal aktar minn 305,000. Żieda ta’ 7.4% fuq l-ewwel nofs tas-sena li għaddiet.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend