Il-kontrollur li ilu 38 sena jgħasses li jitilgħu u jinżlu f’Malta – One News

Notifiki

Il-kontrollur li ilu 38 sena jgħasses li jitilgħu u jinżlu f’Malta

Qatt ħsibt kif il-bdot qatt ma jtajjar ajruplan qrib ieħor iżda kollha jtiru lejn id-destinazzjoni tagħhom bla xkiel?

Dan bis-saħħa tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li f’torri tal-kontroll fl-Imqabba jkunu b’seba’ għajnejn isegwu kull ajruplan li mhux biss jitla’ u jinżel fl-ajruport, iżda wkoll dawk li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżna li huwa wieħed vast. 

Il-kontrollur tat-traffiku tal-ajru Ray Bartolo ilu għal dawn l-aħħar 38 sena jgħasses b’responsabbiltà t-traffiku tal-ajruplani f’Malta.

Spjegalna li l-kontrolluri jaħdmu id f’id mal-bdoti u jissorveljaw l-ajruplani li jkunu telgħin u niżlin fl-ajruport u dawk li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżna.

Kif mistennija qalilna li x-xogħol fis-sajf fit-torri tal-kontroll jiżdied sew.

Bartolo spjega kif “Fis-sajf ovvjament ikun hawn is-Summer Schedule, ix-xogħol jiżdied, ovvjament għax żmien tas-sajf jiġu aktar turisti wkoll. Ikollna l-Cruise and fly, jiġifieri jiġu turisti hawn Malta bl-ajruplan biex jaqbdu l-Cruise liner, għal Cruises, jiġifieri dak nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ħadd prattikament, jumejn l-iktar li nkunu busy“.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Air Traffic Services, l-Inġinier Kenneth Chircop qal li t-titjiriet kummerċjali minn u lejn pajjiżna rdoppja fl-aħħar seba’ snin.

Chirchop stqarr li “ Għandek parti li huwa t-traffiku terminal, jiġifieri l-ajruplani li jitilgħu u jinżlu minn Malta, meta nitkellmu fuq turiżmu pereżempju, dak huwa l-importanti.  Nistgħu ngħidu illi fl-aħħar snin, dan nista’ ngħid li mill-2012, li mhuwiex żmien twil ilu, sal-2019 prattikament irdoppja. Kien ikollna madwar 30,000 moviment fis-sena.  Illum il-ġurnata qed noqorbu lejn 60,000 moviment.

Dan meta teskludi l-movimenti ta’ ajruplani żgħar u tal-militar. Imbagħad stqarr kif il-pajjiż qiegħed igawdi wkoll minn żieda ta’ ajruplani li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tagħna.

Chirchop tenna li “Ajruplani li qed jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tagħna li huwa kbir ħafna, jiġifieri jekk naraw l-ispazju tal-ajru, Malta bil-kemm tidher, tikka żgħira  fih, għaliex fih madwar 600 mil fil-wisgħa tiegħu.  Dawn kull ajruplan li jgħaddi minn dan l-ispazju rridu nikkontrollawh aħna u talli nikkontrollawh niġġeneraw revenue minnu.”

Dan ukoll żdied fl-aħħar snin b’żieda li ġiet riflessa wkoll fil-kumplament tal-Ewropa minħabba żieda fl-attività tal-avjazzjoni.

Intant waqt żjara li l-President ta’ Malta, George Vella għamel fiċ-ċentru ta’ kontroll tal-kumpanija għas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, faħħar il-ħidma  mal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li ta’ kuljum iħarsu l-ħajja ta’ eluf ta’ passiġġiera li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru Malti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend