Timmaġinak tgħix fil-fond taħt il-baħar għal ħamest ijiem? – One News

Notifiki

Timmaġinak tgħix fil-fond taħt il-baħar għal ħamest ijiem?

Timmaġinak tgħix fil-fond taħt il-baħar għal ħamest ijiem bi ftit ikel u fi spazju ristrett ta’ ftit metri kwadri?

Żewġ għaddasa Taljani se jkunu qed jagħmlu dan fil-jiem li ġejjin fl-inħawi ta’ Ras il-Ħobż, qrib Imġarr ix-Xini f’Għawdex.

Din mhix avventura kwalunkwe iżda operazzjoni delikata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li se ssewwi ħruġ ta’ drenaġġ mill-impjant li hemm fl-inħawi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Richard Bilocca spjega ma’ ONE News kif struttura tad-dekompressjoni se żżomm żewġ għaddasa jgħixu taħt l-ilma.

“Jiġifieri dan se jkollna għaddasa li ħa jkunu qegħdin jaħdmu tmenin metru taħt il-livell tal-baħar. Huma fondijiet kbar, għandhom tip ta’ struttura ta’ qanpiena tal-ħadid biex dawn wara li jlestu x-xogħol hemm żewġ għaddasa partikolari minn tim ta’ għaxra li ħa jkunu qed jidħlu ġo din il-qanpiena u ħa jkunu qed jgħixu f’kontejner b’mod sempliċi, f’hyperbaric unit għal numru ta’ ġranet dawn mhux se jaraw id-dawl tax-xemx.”

Il-ħruġ tad-drenaġġ mill-impjant ġej wara snin ta’ rimi illegali fis-sistema tal-korporazzjoni matul is-snin iżda l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni saħaq kif wara x-xogħlijiet li se jsiru, l-impjant se jittejjeb u se jkun iktar ħabib tal-ambjent.

 “Dan kien instad minħabba rimi llegali, ilu miksur għal numru ta’ snin u issa ser ikun qed isir intervent biex dan jissewwa u barra li ħa jissewwa ħa nkunu qed intejbuh għax ħa jkun qed jitwaħħal defuser state of the art u ma’ kull litru ilma trattat li ħa jkun qed jintrema’ dan ħa jkun ġa qed jitħallat b’ħames litri ilma baħar.”

L-ispiża fuq dawn ix-xogħlijiet se tlaħħaq madwar nofs miljun ewro.

L-operazzjoni li kienet mistennija tibda fil-jum tal-Erbgħa ġiet posposta għall-jum ta’ wara minħabba kwistjonijiet loġistiċi.

Fil-boiler wharf tal-Isla bħalissa għaddejja ħidma ma taqta’ xejn sabiex jitgħabba mat-tletin tunnellata ta’ tagħmir meħtieġ għal din l-operazzjoni fuq żewġ barkuni biex dawn jaqbdu t-triq lejn il-gżira tat-tliet għoljiet.

 

L-operazzjoni sħiħa se tkun qed tinvolvi tmintax-il ħaddiem b’ħiliet speċjalizzati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend