Imnedija edizzjoni oħra tal-Gozo Film Festival – One News

Notifiki

Imnedija edizzjoni oħra tal-Gozo Film Festival

It-tielet edizzjoni tal-Gozo Film Festival ser tiġi organizzata mill-Gozo Film Club bis-sostenn tal-Ministeru għal Għawdex u l-Malta Film Commission. Il-Gozo Film Festival se jsir bejn il-Ġimgħa t-23 t’Awwissu u l-Ħadd 25 ta’ Awwissu.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, li ser jittella’ fiċ-Ċttadella, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Gozo Film festival sar avveniment imfittex minn bosta, speċjalment dawk kollha li għandom għal qalbom il-films u b’mod partikolari films li ġew magħmulha fil-gżejjer Maltin u anke f’Għawdex.

Żiedet tgħid li r-repertorju preparat għal din l-edizzjoni hu wieħed varjat bl-għan li jattira udjenza usa’ kemm fil-gosti kif ukoll fl-etajiet.

“Il-Gvern minn dejjem għaraf l-importanza tal-industrija tal-films għal pajjiżna. Apparti mill-impatt importanti li jħalli dan is-settur kemm fuq l-ekonomija u kemm fuq l-impjiegi, l-industrija tal-films taqdi rwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika”, tennet il-Ministru Caruana. Hi spjegat kif il-Ministeru għaddej b’diskussjonijiet biex jattira lejn Għawdex aktar produzjonijiet u kif, fil-baġit ta’ din is-sena, il-Ministeru għal Għawdex kellu vot speċjali ddedikat għal dan il-għan, dan għaliex Għawdex għandu potenzjal u qed jiġi kkunsidrat għal produzzjonijiet importanti.

Federico Chini, il-persuna responsabbli minn dan il-festival, spjega li matul it-tlett ijem li fihom se jsir il-festival, se jintwerew films f’ambjenti differenti madwar is-sit taċ-Ċittadella. Il-post fejn se jintwerew il-films prinċipali huwa l-Bastjun ta’ San Ġwann fiċ-Ċittadella, u hawn se jintwerew fuq liżar imtella’ apposta fl-apert. Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll l-opportunità li t-tfal jitgħallmu dwar il-produzzjoni tal-films u x-xogħol għat-televiżjoni.

B’kollox se jintwerew 41 film qasir (short films) li jinkludu 9 produzzjonijet minn produtturi Maltin u Għawdxin. Filgħaxija se jintwera film li hu marbut ma’ pajjiżna. Dawn il-films huma Pulpta’ Michael Caine li kien prodott f’pajjizna fl 1971, Limestone Cowboy, u l-film adattat għall-familja kollha Vicky the Mighty Viking, li parti minnu inħadmet Malta fl-2008.

L-avveniment se jsir bla ħlas tul it-tlett ijiem kollha u l-pubbliku huwa mħeġġeġ li jattendi.

Għal aktar dettalji dwar il-festival wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook bl-isem Gozo Film Festival.

Ritratti: MGOZ

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend