Waqt laqgħa mal-Amministrazzjoni Ċentrali u s-segretarji tat-taqsimiet tal-General Workers’ Union, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis tkellem dwar l-isfidi komuni li jaffaċċjaw it-trade unions u l-Gvern biex jissalvagwardjaw id-dinjità ta’ kull impjegat waqt li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal kulħadd.
Il-Ministru Zammit Lewis iddeskriva l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala punt ta’ referenza importanti li għandu jservi ta’ xprun għal miżuri speċjali biex nirrimedjaw id-diskrepanzi fil-pagi u l-inugwaljanzi li jippersistu fuq diversi livelli fis-suq tax-xogħol u lil hinn minnu.
F’dan il-kuntest, il-ministru saħaq li djalogu soċjali b’saħħtu huwa element indispensabbli għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna, u huwa relevanti aktar minn qatt qabel fil-kuntest ta’ dinja tax-xogħol li qed tinbidel u toħloq forom ġodda ta’ impjiegi kull ma jmur. Hawnhekk tenna l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ il-Bord tar-Relazzjonijiet tal-Impjieg u l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, liema fora jibqgħu ċentrali fl-implimentazzjoni tal-politika soċjo-ekonomika tal-Gvern.
Bl-istess mod, il-ministru tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi u jinvesti fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg biex jiżdied l-infurzar effettiv kontra l-abbużi waqt li tiżdied ukoll il-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kollha. F’dan ir-rigward semma wkoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna u żied li l-ħarsien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-integrazzjoni fis-soċjetà se jibqgħu prijorità.
B’referenza għat-Tribunal Industrijali, il-Ministru qal li r-riforma u t-tisħiħ meħtieġ se jsir wara konsultazzjoni strutturata mal-partijiet kollha involuti.
Il-Ministru Zammit Lewis ikkonkluda li l-ministeru għaddej b’ħidma kontinwa fuq l-ewwel Gender-Mainstreaming Strategy, u dan parepassu mal-progress fuq l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza li diġà tressqu quddiem il-Parlament.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja laqa’ l-impenn tal-Gvern favur djalogu soċjali kostruttiv fl-ambitu tal-isfidi u l-opportunitajiet ġodda li jirriżultaw ta’ kuljum mis-suq tax-xogħol dinamiku tagħna. F’riflessjoni ċara ta’ dan, Bugeja fisser kif il-GWU tgħodd ‘il fuq minn 6,000 membru ta’ nazzjonalità barranija.
Fid-dawl ta’ dan kollu u bin-natura u r-relazzjonijiet tal-impjiegi jinbidlu kontinwament, Bugeja qal li l-ħtieġa għal sħubija madatorja f’union tal-għażla tal-impjegat tinħass aktar minn qatt qabel. F’dan ir-rigward, il-Ministru Edward Zammit Lewis ikkonferma li l-Gvern qed jistudja dan il-kunċett; jekk għandux u kif jista’ jiġi implimentat f’pajjiżna; kemm fir-rigward ta’ trade unions kif ukoll fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem.