“Kollox sar bil-kunsens tagħha. Ma ksirna ebda liġi u ta’ xogħolha dejjem tħallset!”
Hekk sostna wieħed mill-organizzaturi fil-każ tat-tfigħ tal-bajd “skadut” lill-Amerikana. Kien proprju ġimgħa ilu meta beda jdur filmat ta’ mara, magħrufa bħala l-Amerikana, flimkien ma’ ġuvni tiġi ssuttata l-bajd minn numri ta’ persuni.
Jidher li aktar ma’ għadda l-ħin, aktar kibret il-kontroversja b’għexieren ta’ nisa jikkummentaw li dan hu każ ta’ abbuż u li din il-mara għandha bżonn il-protezzjoni. Iżda ftit jiem wara dlonk ħarġet fil-beraħ tikkummenta l-Amerikana kif ħadd m’għandu dritt jitkellem f’isimha u kif dan kollu għamlitu bl-għażla tagħha u li ħadd qatt ma sfurzaha tagħmel xejn.
F’messaġġ twil fuq Facebook, l-organizzatur spjega kif dam biex jitkellem għax kien fuq vaganza ma’ familtu u stenna sakemm jirritorna lura biex jirrispondi. Spjega kif waqt li kien fuq il-btala ċemplulu l-Pulizija fejn ikkonfermawlu li hu ma għamel xejn kontra l-liġi u li l-istess mara kkonfermat magħhom li għamlet dak kollu bl-għażla tagħha u għax riedet hi.
Fl-istess messaġġ spjega kif din mhux l-ewwel darba li qabbdu lill-Amerikana għall-Bachelor’s party hekk kif dejjem iċemplulha għal meta xi ħadd minn sħabhom ikun wasal biex jiżżewweġ. Spjega kif kollox sar bil-kunsens tagħha, li dejjem tħallset għal xogħolha kif kien maqbul minn qabel u li anke jtuha tiekol u tixrob b’xejn.
Sostna li dak kollu sar f’residenza privata u mhux fil-pubbliku kif kien maħsub u kif lestew minn kollox naddfu kullimkien. Hu sostna li l-bajd li użaw kien “skadut” u mhux tajjeb biex jittiekel fejn xtrawh apposta hekk.
Rigward it-tifel preżenti fil-filmat, qal kif dan kien wieħed mit-tfal li jiġi mill-familja u li fl-ebda mument ma ngħata jixrob xorb alkoħoliku anzi ħa gost flimkien magħhom.