Fl-aħħar analiżi tagħhom tal-ekonomija Maltija, l-esperti tal-Bank Ċentrali qalu f’Lulju li għadda, il‑kundizzjonijiet tan‑negozju f’Malta baqgħu tajbin meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, u komplew jissuġġerixxu kundizzjonijiet ogħla mill‑medja.
Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali qal li s‑sentiment ekonomiku niżel xi ftit matul ix‑xahar, l‑aktar minħabba tnaqqis fis‑sentiment fl‑industrija. Madankollu sostnew li dan baqa’ f’livell ogħla mill‑medja tiegħu fuq żmien twil.
Dwar is-settur turistiku ta’ pajjiżna, l-ekonomisti tal-Bank qalu li r-rata annwali ta’ tkabbir fl-għadd ta’ turisti li żaru lil Malta u l‑infiq tagħhom żdiedet meta mqabbla ma’ xahar qabel.
Bl‑istess mod, il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut kiber fuq sena qabel.
Il‑produzzjoni industrijali żdiedet ukoll f’termini annwali, wara tnaqqis f’Mejju.
Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta’ nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad baqgħu baxxi minn perspettiva storika. Fil-fatt ir‑rata tal‑qgħad niżlet bi ftit għal 3.4 fil-mija.
F’Ġunju, il‑Fond Konsolidat, li hu bbażat fuq dħul u nfiq attwali, irreġistra defiċit ikbar meta mqabbel ma’ sena qabel.
F’Ġunju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet marġinalment għal 1.8%. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, baqgħet stabbli fil‑livell ta’ 1.9%.
Mill-analiżi tal-ekonomisti tal-Bank Ċentrali ħareġ ukoll li d‑depożiti tar‑residenti Maltin kibru b’5.7% matul it‑tnax‑il xahar sa Ġunju.